Il-General Workers’ Union, GWU, ikkundannat dak li ddeskriviet bħala atteġġjament intimidatorju min-naħa tal-Malta Public Transport Ltd fil-konfront tal-ħaddiema tagħha, iżda l-istess kumpanija ċaħdet li l-ittra li ntbagħtet minnha kienet b’xi mod intimidatorja.
Il-GWU saħqet li l-avviż li bagħtet il-kumpanija lill-ħaddiema hu theddida għad-dritt legali ta’ strajk. Insistiet li d-direttivi mogħtija minnha huma legali għax hi l-union tal-maġġoranza fil-kumpanija, u li ħaddiem li jobdi direttiva ordnata mill-union tiegħu, igawdi l-protezzjoni tal-liġi.
Waqt li qalet li nfurmat lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali dwar il-każ, il-GWU appellat lill-kumpanija biex fi żmien 48 siegħa tirtira l-avviż maħruġ, inkella hi tirriserva d-dritt li tieħu l-azzjonijiet li tħoss li huma meħtieġa biex tħares il-membri tagħha.
Min-naħa l-oħra, Malta Public Transport Ltd insistiet li d-direttivi tal-GWU huma illegali u li kull ma għamlet il-kumpanija kienet li infurmat bil-fatti lill-ħaddiema tagħha. Il-kumpanija ħeġġet lill-GWU biex tieqaf tagħti informazzjoni skorretta waqt li esprimiet il-fiduċja tagħha fil-ħaddiema tagħha, li jifhmu l-pożizzjoni tal-kumpanija.
Il-kumpanija spjegat li hi tkompli taħdem ma’ kull union li l-ħaddiema jagħżlu li tirrappreżentahom biex tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-livell ta’ servizz offrut lill-pubbliku.
//= $special ?>