It-tliet kandidati għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, f’Malta kellhom l-ewwel opportunità li qatt ingħatat li jieħdu sehem f’dibattitu u, iktar minn hekk, quddiem il-membri tas-soċjetà ċivili fejn qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar sehem is-soċjetà ċivili fil-Commonwealth.
Fl-attività bħala parti mill-Commonwealth People’s Forum, li tmexxiet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, ħadu sehem madwar 150 delegat fosthom il-Ministru tal-Intern, Carmelo Abela, u ċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, Tonio Fenech.
Ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth imur lil hinn mix-xogħol tas-Segreterija tal-Commonwealth hekk kif il-persuna li tokkupa dan ir-rwol taġixxi wkoll bħala l-Kelliem tal-Commonwealth. Il-persuna magħżula biex tkun is-sitt Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth mistennija titħabbar għada f’Malta.
Qabel beda d-dibattitu, l-Ispeaker laqa’ fil-bini tal-Parlament, lit-tliet kandidati li huma Mmasekgoa Masire-Mwamba mill-Botswana, Sir Ronald Sanders minn Antigua u Barbuda, u l-Barunessa Patricia Scotland minn Dominica, li kienu akkumpanjati miċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Commonwealth, Sir Anand Satyanand, u d-Direttur tal-istess fondazzjoni, Vijay Krishnarayan.
F’din il-laqgħa, id-dinjitarji tkellmu dwar ir-relazzjoni eċċellenti ta’ Malta mal-Commonwealth, il-kontribut li Malta tat lill-Commonwealth waqt li l-Ispeaker spjega li l-attività kienet qed issir bħala sinjal minn Malta li temmen fil-potenzjal tal-Commonwealth biex tkun forza fuq livell dinji.
//= $special ?>