BLOGS

Fl-Isem tal-Espressjoni … U tal-Libertà Miċħuda … Ammen!

Il-preżenza tal-bini tal-Parlament sewwasew fid-daħla tal-Belt Kapitali ta’ pajjiżna – Belt storika u fortifikata, Belt Ewropea li ma ċedietx għal qawwiet ta’ gwerra wara oħra tul is-sekli – hija simbolu ta’ kemm Malta, tul iż-żmenijiet imxiet ‘il quddiem biex kisbet id-drittijiet demokratiċi li llum huma mħaddna fil-kultura tagħna, wara snin ta’ firda politika.

Il-fenominu simboliku li jikkaratterizza l-bini tal-Parlament il-ġdid, li jissawwar tant tajjeb mal-kumplament tal-Kapitali Maltija, inissel fina sens ta’ dmir u lealtà lejn l-ogħla istituzzjoni hekk kif inkunu deħlin mit-Tritoni ‘l ġewwa. Simbolu ta’ pajjiż li għal mijiet ta’ snin ħadem qatigħ biex jikseb id-drittijiet għas-self government, għall-Indipendenza, għar-Repubblika u għal sħubija fl-Unjoni Ewropea; fost id-damma ta’ stati li fihom jixref is-sens ta’ kollettività li tikkontradixxi l-ideat paradossali tas-snin li fihom id-dinja kienet għaddejja minn għadd ta’ gwerer fl-istess kontinent.

Pajjiżna immatura, ħa l-qagħda tiegħu bħala pajjiż li jnissel saħansitra l-għira ta’ pajjiżi ferm akbar minn tagħna li ma kinux kapaċi jissieltu mal-kriżijiet dinjija li ħonqu d-dinja tul dawn l-aħħar ftit snin. Immatura f’pajjiż li ħalla warajh id-differenzi antidemokratiċi ta’ pajjiż li kien iqis il-blu u l-aħmar bħala l-ġenna u l-infern, jew bil-kontra, għad-dirittura. Immatura f’pajjiż li jiddjaloga, jikkonsulta, jaġixxi u jimplimenta skont is-sejħa ta’ poplu sovran li jinteressah biss li Malta tkun dejjem fuq in-naħa t-tajba tal-istorja…

U għaldaqstant, hekk meta l-Gvern Laburista rebaħ Kastilja fl-2013, kulħadd kien qiegħed jistenna kontinwazzjoni ta’ 25 sena progressivi li biddlu l-wiċċ ta’ Malta għal kollox, taqbel mal-PN jew le, aktarx jekk ma tammettix fid-dieher, tammetti fil-qiegħ ta’ qalbek!

Meritokrazija għal tal-qalba!

Trasparenza għall-erbgħa ta’ ġewwa (mhux inklużi l-Laburisti tal-Labour li mhumiex ta’ Joseph Muscat!)

Governanza tajba għal dak tal-“Yes Sir, Yes Prime Minister”!

Skandli!

Taħwid!

Ipokresija!

Gideb!

Ingann!

Klijenteliżmu!

Daħk fil-wiċċ…

Parodija ta’ Gvern!

Gvern Laburista.

Għax meta ħsibna li pajjiżna kien hieni politikament, il-Gvern Laburista ‘ġdid’ li kellu jeżalta lil Malta fost l-aqwa fl-Ewropa – u minħabba f’hekk Angela Merkel bdiet tibża’ minn Muscat u mhux l-ewwel darba li waqt xi Summit tal-Mexxejja Ewropej tatu l-ġenb għax ħassitha offiża! – mill-konfini tad-dlamijiet tat-tmenijiet, fejn il-Parlament ma kienx jissimbolizza d-demokrazija imma t-terrur, il-preġudizzji politiċi partiġġjani… reġgħu nqalgħu d-dinosawri li ħsibna li twarrbu, li ħsibna li ma kellhomx aktar rappreżentanza f’Parlament li jikkonferma l-mixja ‘l quddiem ta’ Malta.

Erħilhom jgħajtu “Tagħna Lkoll”, erħilhom jgħajtu “Meritokrazija”, erħilhom jgħajtu “Trasparenza”, erħilhom jgħajtu “Governanza Tajba” għax minn fosthom il-poplu qed jisma’ lid-dinosawri jheddu lil min ma jaqbilx magħhom: “Niġi għalik u nifqgħek!” Ma nafx sewwasew lil min kien qiegħed jindirizza, jekk hux lil min qiegħed jissielet għad-demokrazija jew jekk hux lil Karmenu Mifsud Bonnici, id-dinosawru li jrid jistieden lill-ISIS sabiex jikkampjaw Malta ħa jkollhom ftit għexieren t’irjus xi jtajru!

Imbagħad tistenbaħ, u tirrealizza li le, m’intx toħlom, qiegħed tisma’ lil Debon Grech iwerżaq u ħdejh, propju ħdejh, saħansitra wieħed mill-Ministri l-aktar qaddisa jgħatti wiċċu jinnota kemm dal-Partit ‘ġdid’ baqa’ fejn kien, jekk ma marx 30 sena lura!

X’ħasra… ta’ Governanza.

X’ħasra… ta’ Demokrazija.

Viva l-libertà tal-espressjoni Marlene!

Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tal-2018 fuq it-8 distrett