Żgur li f’dawn l-aħħar ġranet ħafna ġihom f’moħħhom dan il-qawl Malti. Dak li ġie mwiegħed bħala moviment ġdid, illum qed tinkixiflu l-maskra u kulħadd qed jinduna li minkejja t-tibdiliet li saru fil-Partit Laburista, l-għeruq għadhom l-istess u dawn l-għeruq iwasslu għall-istess għemil tas-snin sebgħin u tmenin.
Il-Partit Laburista, hekk kif beda jingrana għall-elezzjoni ġenerali tal-2013, bidel il-Kap u t-tmexxija, bidel l-arma, bidel ukoll il-mod kif jippreżenta ruħu, tant li iktar kien jidher blu milli aħmar fl-attivitajiet politiċi tal-Partit Laburista – ta l-impressjoni li nbidel, iżda l-prodott mhux il-pakkett jagħmlu tajjeb, iżda l-kontenut.
Ħafna ħasbu li la nbidlu l-pakkett u l-preżentazzjoni, mela l-kontenut inbidel ukoll – iżda llum qed nikkonfermaw kemm is-sustanza tal-Partit Laburista baqgħet l-istess. Il-mentalità li biha qed jiggverna għadha l-antika – fejn min mhux magħna kontra tagħna, altru milli ‘tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’.
Parlament: Tgħajjir, għajjat u insulti
L-ewwel ħjiel tal-mentalità antika Laburista ħareġ ix-xhar li għadda meta d-Deputat Ryan Callus safa mgħajjar u insultat minn nies li kienu preżenti fl-istrangers gallery tant li l-Ispeaker kellu jordna biex dawn il-persuni jitkeċċew ‘il barra. Iżda jekk din kienet biss tbeżbiża, il-ġimgħa li għaddiet kellna l-konferma li l-Partit Laburista ma nbidilx.
Inċidentalment, din il-konferma ġiet proprju minn Joe Debono Grech, deputat li serva saħansitra fil-Gvern ta’ Mintoff u li milli jidher baqa’ bl-istess attitudni aggressiva u intimidatorja fil-konfronti ta’ kollegi Membri Parlamentari. Dan saħansitra hedded Membru Parlamentari, lil Marlene Farrugia, li jmur għaliha u jifqagħha.
Fit-triq, din tiġi bħala theddida. Fil-Parlament mid-dehra dan huwa aċċettabbli għaliex ma tteħdux passi kontra Debono Grech, la mill-Ispeaker u lanqas mill-Gvern li jagħmel parti minnu. Kif jgħid l-Ingliż, old habits die hard.
Is-skiet risposta
Frażi oħra, sempliċi, iżda li tfisser ħafna. Iva, is-skiet risposta, għaliex jekk fil-konfront ta’ atteġġjament bħal dak ta’ Debono Grech fil-Parlament, tibqa’ sieket, mela allura qed tapprova dak li qed isir minn membru tal-Gvern tiegħek. Smajna ħafna kemm Joseph Muscat għandu Gvern li jisma’, iżda ma jħallikx titkellem, u jekk titkellem, jgħajrek u saħansitra jheddek biex jagħlaqlek ħalqek. Hekk ried jagħmel Joe Debono Grech u Joseph Muscat baqa’ sieket.
Dan kollox filwaqt li Debono Grech ikkonferma li qal dan il-kliem. Kieku ma qalux, ma kienx jirtirah waqt ir-ruling tal-Ispeaker. Din hija ammissjoni – speċjalment meta wieħed iqis li s-sedja li dak il-ħin kienet f’idejn Luciano Busuttil, ‘ma semgħetx’ dan il-kliem – avolja fil-filmat deher jitbissem quddiem dak li beda għaddej.
Il-vizzju ma taqtgħux malajr
U dan ma jidhirx biss fil-vizzju ta’ Debono Grech li jkun aggressiv, iżda l-Gvern b’mod ġenerali għandu l-vizzju li meta jkun dahru mal-ħajt iwaħħal fil-Partit Nazzjonalista.
L-aħħar li rajna din l-attitudni kienet ġejja mill-Ministru Carmelo Abela li skont hu, “l-Oppożizzjoni, mhux it-terroristi, hi theddida għas-sigurtà”. Dan ifisser li, skont il-Ministru, għax l-Oppożizzjoni qed tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern u tipprova ġġib assigurazzjoni li pajjiżna huwa wieħed sikur fid-dawl tal-avvenimenti u l-attakki li qed isiru f’pajjiżi qrib tagħna, mela allura hija ta’ theddida. Dan bħal meta l-Oppożizzjoni tikxef problemi ta’ dan il-Gvern u minflok tiġi msejħa negattiva. Gvern li ma jridekx titkellem, altru milli Gvern li jisma’.
Il-Ministru Abela għandu jdawwar ħarstu lejn il-pajjiż u mhux lejn l-Oppożizzjoni, u jara li pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu jkunu sikuri – jekk hemm allarm minħabba passaporti foloz li qed jinqabdu fuq nies ġejjin lejn Malta, il-Ministru Abela għandu jagħraf li dik hija t-theddida. Ineħħi minn moħħu lill-Oppożizzjoni u għal darba, minflok jara fiex se jwaħħal, jara kif se jsolvi l-problema.
Il-problema ma ssolvihiex l-Oppożizzjoni jew il-Gvern preċedenti imma l-Gvern preżenti. Għaddew aktar minn sentejn u issa (anzi ilu) wasal iż-żmien li l-Gvern preżenti jibda verament jaġixxi ta’ Gvern li wara kollox kellu roadmap lesta, u jaġixxi ta’ Gvern billi jieħu r-responsabbiltà, jieħu d-deċiżjonijiet u mhux jara lejn min se jipponta subgħajh.
Ta’ theddida għal pajjiżna hija l-arroganza ta’ dan il-Gvern li jwebbes rasu għal kollox u li ma jagħtix il-prijorità mistħoqqa anke lil kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali bħalma hija dik tas-sigurtà f’pajjiżna f’mumenti bħal dawk li qed tesperjenza d-dinja bħalissa
//= $special ?>