Lokali Parlament

Inkomplu l-ġlieda favur il-vulnerabbli abbandunati mill-Gvern

Marlene Farrugia tgħid li qatt ma tiftakar jum daqshekk ta’ dieqa fil-Parlament daqs dak tal-lum

Għall-kuntrarju tal-messaġġ li ħareġ mill-Parlament fis-seduta tal-lejla, id-Deputat issa indipendenti Marlene Farrugia qalet li hi flimkien ma’ dawk li jemmnu bħalha, se tkompli l-ġlieda biex dawk li huma vulnerabbli jsibu l-ġustizzja li mhux qed isibuha min-naħa tal-Gvern.

Fl-aġġornament tas-seduta tal-lejla, Marlene Farrugia tkellmet dwar il-Jum kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. Hi sostniet li l-mod kif ivvutaw il-membri fuq in-naħa tal-Gvern, fosthom il-Ministru għad-Drittijeit Ċivili u ċ-Chairperson tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, taw messaġġ li l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mhix lesta tagħtihom il-ġustizzja li tistħoqqilhom.

Dawk in-nisa li spiċċaw maqtula minħabba vjolenza domestika qed ngħidulhom li l-mewta tagħhom kienet għalxejn
Marlene Farrugia qalet li kemm ilha fil-Parlament qatt ma tiftakar jum daqshekk ta’ dieqa daqs dak ta’ nhar l-Erbgħa. B’dak li ġara fil-Parlament, il-messaġġ lil dawk in-nisa li spiċċaw maqtula minħabba vjolenza domestika qed ngħidulhom li l-mewta tagħhom kienet għalxejn.

Meta jsiru abbużi fuq mara, l-abbuż ikun qed isir ukoll fuq oħrajn li qed ibatu. Dak li sar fil-Parlament iweġġa’ lil dawn in-nies kollha għaliex fil-mument tal-prova dawk li suppost iddefendew il-ġustizzja taw ġudizzju li jitfa’ dell ikrah fuq l-aġir tal-Parlament.

Marlene Farrugia qalet li meta hi ġiet attakkata, l-attakk ma sarx fuqha biss iżda fuq dak kollu li hi tirrappreżenta. Stenniet li d-difiża tkun fuq dak kollu li tirrappreżenta. Hi tirrappreżenta l-ġlieda kontra dawk l-aktar vulnerabbli bħalma huma n-nisa u rġiel imsawta.

Id-Deputat indipendenti qalet li dawn in-nisa, li l-ewwel jippruvaw isibu kuraġġ biex jagħmlu rapport, u issa minflok appoġġ isibu l-Ministru tal-Libertajiet Ċivili tiddefendi l-aġir li dawn in-nisa qed ikunu vittmi tiegħu.

Marlene Farrugia qalet li mara msawta, anke jekk tagħmel rapport, meta tiġi biex tersaq fil-Qorti għadha f’sitwazzjoni li biex tkompli l-każ ikollha tidħol fi spejjeż enormi u anke li tkun il-mara u t-tfal li jkollhom iħallu d-dar filwaqt li min jagħmel il-vjolenza jibqa’ fid-dar.

Staqsiet kif wara dak li ġara fil-Parlament, tista’ tidher quddiem il-poplu u tikkonvinċih li qiegħda fil-Parlament biex tiddenfedih, u meta fil-Parlament, l-aġir aggressiv sab l-appoġġ tal-membri tal-Gvern.

Vot Mozzjoni

Kienet tistenna l-appoġġ sħiħ tal-Kamra
Marlene Farrugia qalet li kienet tistenna l-appoġġ sħiħ tal-Kamra biex min jaġixxi ta’ bully jkollu l-messaġġ li ma hawnx postu f’pajjiżna. Hi żiedet li hi u l-Oppożizzjoni riedu jikkundannaw l-inġustizzja iżda l-Gvern, bil-Ministru tad-Drittijiet Ċivili u ċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali, qalu li min wettaq l-inġustizzji hu ġust.

Marlene Farrugia qalet li l-ġlieda tibda u tkompli issa għaliex trid tkun is-soċjetà ċivili u l-media li tiddefendi dan l-abbuż u mhux mill-Ministru tad-Drittijiet Ċivili.

Hi kompliet li se tkompli tiġġieled għall-ġustizzja fil-pajjiż, ġustizzja li hi mistħoqqa min-nisa u t-tfal li jsofru. Appellat biex dawn in-nies iqumu għall-okkażjoni u ma jaċċettawx li jkun hawn amministrazzjoni li tnaqqsilhom id-drittijiet u l-pudur tagħhom.
Huma jsibu l-appoġġ tagħha u ta’ dawk li jemmnu bħalha biex jiddefendu d-drittijiet mhux billi jimxu warajhom, imma ikunu quddiemhom biex immexxuhom.