Lokali

Ministri tal-Affarijiet Barranin jiltaqgħu f’Malta bħala parti miċ-CHOGM

????????????????????????????????????

Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth iltaqgħu f’Malta f’laqgħa mmexxija mill-Ministru George Vella.

Id-diskussjoni ewlenija ta’ working lunch kienet bis-sehem ta’ Mary Robinson, il-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bidla fil-Klima, li tat bidu għal diskussjoni u sessjonijiet formali mifruxa fuq jumejn, li trattaw l-iżviluppi fil-Commonwealth u fid-dinja, u t-tiġdid tal-Commonwealth.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin trattaw ukoll il-prospetti għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (COP-21) li se titlaqqa’ f’Pariġi x-xahar id-dieħel, u t-triq ’il quddiem għall-membri tal-Commonwealth wara li ntlaħaq qbil fuq l-aġenda tal-2030 għall-iżvilupp sostenibbli u l-aġenda ta’ azzjoni ta’ Addis Ababa.

L-immigrazzjoni kienet ukoll tema li ġiet diskussa waqt din il-laqgħa, speċjalment dwar kif l-isforzi nazzjonali u internazzjonli li jsiru għandhom jindirizzaw l-għeruq tal-kawża tal-immigrazzjoni irregolari.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin ħadu nota wkoll tal-konklużjonijiet tal-Valletta Summit u qablu li l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni huma theddida serja għall-valuri tal-Commonwealth. Fl-istess ħin, ikkunsidraw inizjattivi li jistgħu jittieħdu biex isostnu dawk li jittieħdu fuq livell reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali biex jindirizzaw dan il-periklu.

Iddiskutew ukoll id-drittijiet tal-bniedem u kif tista’ tintemm il-vjolenza sesswali u ż-żwiġijiet furzati ma’ tfal.