Kundannat kliem il-Ministru Helena Dalli… l-aggressività fil-Parlament saret minn membru li mhux suppost qiegħed fil-Parlament
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg sejħet bħala esperjenza xokkanti dak li seħħ fil-Parlament fl-aħħar ġranet bl-inċidenti ta’ theddid li seħħew nhar il-Ġimgħa, u bid-dikjarazzjoni li tistona tal-Ministru Helena Dalli meta qalet li n-nisa ma jilagħbuhiex tal-vittmi.
Fl-Aġġornament fis-seduta parlamentari tal-lejla, Claudette Buttigieg qalet li kienet qed tagħmel l-aġġornament bil-kuluri oranġjo, bħalma libsu wkoll membri parlamentari oħrajn tal-Oppożizzjoni, u titkellem u tikkundanna dak li seħħ fil-Parlament fil-jum dedikat kontra l-vjolenza tan-nisa u l-bniet.
Fissret li meta qed ngħidu vjolenza qed nitkellmu fuq ksur ta’ dritt abbużiv tal-bniedem u li f’ebda ċirkustanza mhu ġustifikat għaliex qatt ma tista’ tiġġustifika l-abbuż fuq in-nisa u t-tfal.
Semmiet li każijiet tal-aħħar delitti li saru f’pajjiżna kienu kollha kawża ta’ vjolenza domestika.
Fissret li meta nitkellmu fuq il-vjolenza fuq il-mara nkunu qed nitkellmu fuq dak li jiġri fid-dar u fil-magħluq – ‘il bogħod mill-għajn u għaldaqstant ‘il bogħod mill-qalb.
Iddikjarat li min ma jikkundannax aġir vjolenti fil-konfront tan-nisa u bniet, hu kompliċi ma’ min ikun qed iwettaq il-vjolenza.
Messaġġ lill-mara biex ma tiftaħx ħalqha qabel mar-raġel jifqgħek
B’rabta ma’ diskors li għamlet illum stess fil-Parlament il-Ministru Helena Dalli, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg qalet li t-terminoloġija li użat il-Ministru Dalli mhux biss hu infeliċi iżda b’dak li qalet tinsab ixxukkjata u insulentata.
Ingħata wkoll messaġġ veramment ħażin u li jistona minn Ministru responsabbli mil-Libertajiet Ċivili u li suppost tipproteġi l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Dak li qalet il-Ministru Helena Dalli iwassal messaġġ lin-nisa li forsi s-sieħeb tagħhom qed juri sinjali li hu abbużiv, li qabel ma jagħtik xebgħa u jħassrek, u qabel ma jifqgħek, tiftaħx ħalqek.
Claudette Buttigieg appellat lil dawn in-nisa biex ma jibqgħux mas-sieħeb li diġà qed juri sinjali ta’ vjolenza, għaliex għada pitgħada se jkun vjolenti.
Irrimarkat li l-Ministru Helena Dalli kellha żmien biżżejjed biex tirrispondi dak li rrappurtaw u kkummentaw dwaru fuq il-midja soċjali b’titli skandalużi.
Inutli nixegħlu Bieb il-Bombi bl-oranġjo meta l-messaġġ tal-Ministru fil-Parlament hu l-oppost
Filwaqt li saħqet li kulħadd qiegħed jitkellem u jaħdem mhux biss biex innaqqsu iżda biex neliminaw il-vjolenza fuq in-nisa, Claudette Buttigieg irirmarkat li hu nutli nixegħlu Bieb il-Bombi bl-oranġjo meta fil-Parlament, il-messaġġ tal-Ministru responsabbli hu l-oppost.
Bħala persuna u bħala mara, qalet Claudette Buttigieg, dak li seħħ u ntqal fil-Parlament biex niddefendu mġiba ta’ xi ħadd li hu indifensibbli, hu degradanti u xokkanti.
L-aggressività li rajna fil-Parlament saret minn membru li mhux suppost qiegħed fil-Parlament
Ikkummentat ukoll dwar dak li ġara fuq livell personali. Irrimarkat li l-aggressività li rajna fil-Parlament ħarġet minn membru parlamentari li l-Qorti Kostituzzjonali ididkjarat li mhux suppost qiegħed fil-Parlament meta l-istess Qorti kkonfermat li hi (Claudette Buttigieg) ġabet aktar vot minn Edward Scicluna, u għalhekk b’dak ir-riżultat fl-aħħar elezzjoni ma kienx iċedi postu biex jitla’ Joe Debono Grech.
Messaġġ ta’ tolleranza zero għal kull tip ta’ vjolenza fuq in-nisa u t-tfal vulnerabbli
Fil-Jum Dinji Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u Bniet, Claudette Buttigieg saħqet li hu importanti li jitwassal messaġġ ta’ tolleranza zero għal kull tip ta’ vjolenza fuq in-nisa u t-tfal vulnerabbli
Fissret ukoll li filwaqt li hemm każi ta’ rġiel vittmi ta’ nisa aggressivi u provokanti ma’ rġiel li jsofru wkoll swat, dan ma jiġġustifka qatt li niġġustifikaw lanqas raġel wieħed fil-konfront ta’ mara.
Awgurat li x-xeni li rat fil-Parlament fl-aħħar jiem ma jirrepetux ruħhom aktar.
//= $special ?>


