Malta hi l-ewwel pajjiż magħżul biex ikun sieħeb internazzjonali għall-Prince’s Trust, imniedi lbieraħ mill-Prinċep Charles tal-Ingilterra u mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u li se jaħdem fil-qrib mal-President’s Trust li twaqqaf f’Malta iktar kmieni din is-sena.
Il-Prince’s Trust hu programm edukattiv fir-Renju Unit, iddedikat għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena biex jgħinhom itejbu l-prospetti tagħhom għal impjieg, edukazzjoni u taħriġ. Fir-Renju Unit, jaħdem fil-qrib ma’ madwar 500 skola u ċentru u s’issa hu stmat li għen 825,000 persuna.
Il-Fondazzjoni HSBC Malta qed tappoġġja din l-inizjattiva, b’mod partikolari l-programm XL li se jiddaħħal f’seba’ skejjel madwar Malta u Għawdex.
Il-President ta’ Malta laqgħet it-tnedija ta’ din l-istruttura u qalet li Malta hi onorata li hi l-ewwel pajjiż, barra mir-Renju Unit, li ġie magħżul biex jissieħeb mal-inizjattiva. Hi fakkret b’sodisfazzjon il-laqgħat tagħha mal-uffiċjali ta’ dan it-Trust, f’Londra bejn Settembru u Marzu li għadda, u s-suċċessi miksuba fejn żgħażagħ vulnerabbli bdew ħajja ġdida.
Il-President ta’ Malta semmiet kif għall-Presidenza tagħha tat prijorità lit-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, bi prijorità lit-tfal u liż-żgħażagħ.
Bl-istruttura mwaqqfa tal-President’s Trust, il-President ta’ Malta qalet li trid tagħti l-għajnuna meħtieġa liż-żgħażagħ biex bil-mod il-mod itejbu ħajjithom u jkollhom futur aħjar quddiemhom. B’mod partikolari, irid jinqered iċ-ċirku ta’ faqar, li wieħed jgħix fuq il-benefiċċji soċjali jew li jdur għall-kriminalità.
Coleiro Preca spjegat ukoll li l-istruttura f’Malta qed tinvesti wkoll f’riċerka lokali u fil-qrib se jitħabbar ir-riżultat ta’ studju dwar it-tluq bikri mill-iskola. Il-President ta’ Malta antiċipat li dan juri rabta sostanzjali ta’ tluq bikri mill-iskola mas-sentiment ta’ esklużjoni soċjali, diffikultajiet finanzjarji serji u ċaħdiet materjali.
Spjegat li l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ Trusts tista’ tagħti riżultat tajjeb ħafna biex jissaħħu l-potenzjal ta’ kull tifel u tifla jew żgħażagħ biex jilħqu l-milja tagħhom.
//= $special ?>

