Lokali

Sidien ta’ ħwienet fil-Belt irrabjati dwar xogħol mitluf ‘għalxejn’

Sidien ta’ negozji qrib Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, huma rrabjati ferm għax-xogħol mitluf ilbieraħ wara li kienu ordnati jibqgħu magħluqa minħabba sigurtà għar-Reġina Eliżabetta imma mbagħad, il-post taċ-ċerimonja tal-ftuħ inbidel fl-aħħar ħin.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ kellha ssir fi Pjazza San Ġorġ, quddiem il-Palazz tal-President, imma mbagħad inbidlet ilbieraħ stess u saret quddiem il-Palazz ta’ San Anton. Ir-raġuni li ngħatat kienet minħabba l-maltemp.

Is-sidien tal-ħwienet ilmentaw li ġew infurmati biss bil-bidla fil-post fid-9pm ta’ lejliet u li l-ħin kien tard wisq biex jinfurmaw lill-ħaddiema jidħlu għax-xogħol, b’ħafna minnhom kellhom bil-fors jibqgħu magħluqa. Ilmentaw għax l-ewwel ġew ordnati jibqgħu magħluqa mingħajr ebda kumpens, imbagħad iċ-ċerimonja saret x’imkien ieħor u għalhekk baqgħu magħluqa għal xejn.

Fost il-ftit li fetħu, stqarrew li ma kienx hemm nies il-Belt ilbieraħ u li spiċċaw għalqu xorta waħda kmieni, bil-ġurnata meqjusa bħala waħda ta’ telf.

Diversi lmentaw dwar nuqqas ta’ organizzazzjoni, fosthom sid ta’ kafeterija fi Triq ir-Repubblika li l-ewwel kien ordnat ineħħi l-imwejjed, siġġijiet u l-umbrelel, imbagħad malli l-ħaddiema kienu għadhom kif neħħew kollox, ġew infurmati li setgħu jerġgħu jarmaw. Stabbiliment ieħor qal li l-ħaddiema tiegħu kellhom japplikaw għal permess tal-Pulizija biex jibqgħu fil-bini.

B’kuntrast, stabbilimenti qrib il-Palazz ta’ San Anton ma ġew infurmati b’xejn ladarba ttieħdet id-deċiżjoni li ċ-ċerimonja ssir hemm, mhux fil-Belt Valletta, u fetħu għax-xogħol b’mod normali.