Lokali

Is-Sirjani li kienu ġejjin Malta jiġu akkużati b’rabta mat-terroriżmu

Wieħed mis-Sirjani nstab b’ritratt bl-uniformi tal-ISIS u fiż-żewġ mobiles instabu għexieren ta’ ritratti oħra ta’ terroristi tal-ISIS.

Il-gazzetta il-mument tgħid li s-Sirjan li kien arrestat b’passaport falz fi triqtu lejn Malta minn Bergamo, kien akkużat formalment li hu membru tal-grupp terroristiku internazzjonali – l-ISIS.

Il-qrati Taljani akkużaw is-Sirjan ukoll li kien qed ifittex in-nies biex jissieħbu f’dan il-grupp terroristiku. Rapport mill-Italja li jikkwota s-Servizzi Sigirieti jgħid li bl-arrest tas-Sirjani kien evitat attakk terroristiku f’Malta waqt iċ-CHOGM.

Is-Sirjan, Alali Faowaz kien arrestat fit-18 ta’ Novembru fl-Ajruport ta’ Bergamo flimkien ma’ Sirjan ieħor. Dan wara li nqabdu b’passaporti foloż hekk kif kienu se jippruvaw jirkbu ajruplan lejn Malta.

Wara tfitxija bir-reqqa instab li kien hemm ritratt tas-Sirjan liebes uniformi. Is-Sirjan kien qed isostni li dan għaliex kien pulizija taħt l-ISIS, imma wara investigazzjoni, instab li filfatt din kienet uniformi ta’ ġellied tal-ISIS u s-Sirjan kien midħla sew tal-grupp fil-belt kapitali tagħhom ta’ Raqqa fis-Sirja.

S’issa Faowaz, li għandu 30 sena, kien qed ikun akkużat biss b’pusses ta’ dokumenti foloż.

Is-Sirjan l-ieħor li kien arrestat ma’ Faowaz, Alari Azma ta’ 19-il sena, qed isostni li jobgħod l-ISIS u dawn kienu qatlu lil ħuħ, imma dan mhux qed jikkonvinċi l-investigaturi Taljani.

It-tnejn issa qed jinżammu f’iżolament fil-ħabs ta’ Bergamo u issa msitennija jerġgħu jitressqu l-qorti fis-17 ta’ Diċembru.

mument 2