Kurżitajiet

Baqa’ jgħix għal xhur ġo dar qrib l-iskeletru ta’ missieru

Raġel fir-Renju Unit li ma kienx joħroġ mid-dar dam sa erba’ xhur jgħix maġenb missieru mejjet u ‘inqabad’ biss meta wieħed mill-ġirien lemaħ skeletru bil-qiegħda f’pultruna.

Meta Kenneth Brown, anzjan ta’ 94 sena u residenti fi Stafford, sofra waqgħa kerha fil-kamra tas-sodda ta’ daru, kien pront li jgħinu ibnu Timothy, ta’ 59 sena, li kien qed jgħix miegħu u li dak il-ħin poġġih lura fil-pultruna.

Proprju l-għada tal-waqgħa, Timothy skopra lil missieru mejjet, iżda minflok ikkuntattja lis-servizzi tal-emerġenza hu ħalla l-katavru ta’ missieru jitmermer waqt li baqa’ jgħix għal xhur f’dik id-dar.

L-inkjesta tal-qorti, issa, żvelat li wieħed mill-ġirien żar ir-residenza u meta ttawwal għal ġewwa ra lil Timothy ‘bil-qiegħda waqt li qed jara t-televiżjoni qrib l-iskeletru ta’ missieru’. Mifhum li l-katavru tal-anzjan x’aktarx kien ilu erba’ xhur f’dik is-sura.

Timothy kien ilu għaxar snin jieħu ħsieb lil missieru wara li kienet mietet ommu fl-2004. Intant in-nies kienu jafu lilu u lil missieru bħala persuni kwieti ‘li ma kenux joħorġu u li rari kienu jżuruhom in-nies’.