Kurżitajiet

Biddlu sit tal-ISIS f’reklam ta’ mediċina “biex jikkalmaw”

Sit elettroniku li nħoloq biex jintuża mill-ISIS biex iwassal il-propaganda tiegħu, ġie hacked minn attivisti u minflok ittella’ reklam ta’ mediċina bil-messaġġ biex il-militanti jikkalmaw.

Minflok il-messaġġ propagandistiċi li għalih inbena, wara ġimgħa biss li nħoloq, is-sit, li ma jidhirx fl-internet pubbliku, spiċċa jtella’ reklam ta’ anti-depressivi u tal-pilloli tal-Viagra.

Skont il-ġurnal IBT, il-hacking sar mill-attivisti ta’ Ghost Sec li qed jaħdmu flimkien ma’ Anonymous, li ħalfu li jagħmlu gwerra fuq l-internet lill-membri tal-Istat Iżlamiku wara l-attakki ta’ Pariġi. Din hi kkunsidrata l-ewwel darba li sar hacking fuq sit mhux pubbliku.

Minflok il-messaġġi bl-Għarbi, is-sit tella’ messaġġ li “hawn wisq affarijiet tal-ISIS” u beda jħeġġeġ il-kalma u biex dak li jkun jidħol fir-reklam u jkun iktar kuntent.