Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea twissi dwar iż-żieda fil-faqar f’pajjiżna

Filwaqt li Joseph Muscat qed jibqa’ jinjora ż-żieda fil-persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet twissija serja dwar dan minħabba li ż-żieda fil-faqar f’pajjiżna hi ferm ogħla minn dik fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista ilu numru ta’ xhur jappella lill-Gvern biex jindirizza din ix-xejra, iżda Muscat dejjem webbes rasu u injora l-appelli tal-Partit Nazzjonalista u ċ-ċifri uffiċjali tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja Robert Cutajar.

Paula Mifsud Bonnici qalet li skont l-aħħar statistiċi, f’Malta u Għawdex hawn 100,000 persuna li jinsabu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Ikkwotat il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista, li ta ċ-ċifra ta’ 88,000 persuna fir-riskju tal-faqar fi Frar 2013. Għaldaqstant, minn meta Muscat laħaq Prim Ministru, il-faqar żdied.

Ix-Shadow Minister qalet li issa hu aktar evidenti kemm il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jixirqilhom ekonomija li tkun hemm għal kulħadd u mhux għal ftit. Hi rreferiet għad-dokument “Ekonomija għan-Nies”, ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet u li fih proposti konkreti dwar kif l-ekonomija tkun għal kulħadd.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista jittama li minflok iwebbes rasu u joħroġ jgħid li l-Kummissjoni Ewropea hi negattiva għax qed tikritika lill-Gvern, Muscat għandu jindirizza bis-serjetà din iż-żieda fin-numru tal-persuni fil-faqar b’miżuri konkreti li jaffettwaw lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum.

Hu sostna li filwaqt li dawk fir-riskju tal-faqar f’Malta qed jiżdiedu, il-Konsulent dwar il-Faqar, id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, sejjer tajjeb ħafna. Tant hu hekk li, minbarra d-dħul bħala Avukat, qed idaħħal ukoll madwar €70,000 fis-sena minn tliet Konsulenzi mal-Gvern Laburista.

Min-naħa tiegħu, Robert Cutajar irrefera għall-fatt li kemm ilu Joseph Muscat Prim Ministru, dawk l-anzjani fir-riskju tal-faqar żdiedu b’2,500. Fakkar kif fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista, Joseph Muscat wiegħed iswed fuq l-abjad li mhux talli l-faqar mhux se jiżdied, iżda se jiġi eradikat.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompla li kuntrarju għal-bluff ta’ Muscat li l-ekonomija hi b’saħħitha, il-verità qed turi, issa anke b’konferma tal-Kummissjoni Ewropea, li l-ekonomija mhijiex b’saħħitha għal kulħadd.