Lokali Parlament

Marlene Farrugia terġa’ tivvota mal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrrugia reġgħet ivvutat favur emendi tal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern meta llejla komplew jittieħdu aktar voti dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qiegħed jippreżenta l-Gvern biex titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp

Il-Parlament illejla ħa vot fuq emenda mressqa mill-Oppożizzjoni biex fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp ikun hemm rappreżentanza tal-għaqdiet ambjentali mhux governatttivi.

L-emenda tressqet f’isem l-Oppożizzjoni mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus meta l-Parlament qiegħed jiddiskuti fi stadju ta’ Kumitat, il-klawsoli tal-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Gvern.

Dwar dan il-prinċipju li l-Oppożizzjoni nsistiet li jidħol fil-Liġi li se twaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista talab li jittieħed vot, bid-Deputat Marlene Farrugia tivvota favur l-emenda tal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus spjega wkoll meta komplew jittieħdu aktar voti, li l-Oppożizzjoni mhix qed taqbel mal-kompożizzjoni tal-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp meta l-Gvern qiegħed joġġezzjona wkoll li jkun hemm membru tal-Oppożizzjoni, u għaldaqstant qiegħed joġġezzjoni li jkun hemm trasparenza fl-Awtorità.

Id-Deputat Marlene Farrugia ddikjarat qabel ma ttieħdu l-voti, li qed tkun qed tivvota mal-Oppożizzjoni għaliex temmen favur it-trasparenza fl-Awtorità.

Kull darba li ttieħed vot, id-Deputat Speaker Ċensu Galea talab lil Marlene Farrugia tiddikjara l-vot tagħha, u kull darba ddikjarat li kienet qed tivvota mal-Oppożizzjoni.

Ryan Callus

L-Oppożizzjoni wkoll ma qablitx fuq klawsoli oħra li approva l-Gvern, fosthom li ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ippjanar maħtur mill-Ministru, jingħata poteri kbar.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ressaq emenda wkoll biex ir-rapport annwali tal-Awtorità dwar l-Ippjanar mhux biss jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, iżda wkoll li jiġi diskuss fl-istess dibattitu meta jiġu diskussi l-Estimi tal-istess Awtorità. Dwar dan il-Gvern qabel mal-emenda tal-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni sejħet ukoll bħala gimmick il-klawsola fl-Abbozz ta’ Liġi li titkellem dwar il-konsultazzjoni. Id-Deputat Nazzjonlista Ryan Callus spjega li meta r-rappreżentanti tal-għaqdiet ambjentali mhux governattivi m’għandhomx vuċi b’vot fl-Awtorità, mhux se jkun hemm konsultazzjoni vera u attività mill-organu li qiegħed jitwaqqaf u li se jkun responsabbli mill-konsultazzjoni.

Ryan Callus insista wkoll li għandu jkun hemm id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri kollha li se jservu f’xi bord fl-istruttura tal-Awtorità dwar l-Ippjanar, kemm fil-Kunsill Eżekuttiv, fil-Bord tal-Ippjanar, fil-Kummissjoni kif ukoll għandu jkun hemm id-dikjarazzjoni tal-assi tad-diretturi fl-Awtorità.