Lokali Parlament

Il-burdnara mħassba dwar il-vjaġġi mill-Gozo Channel bejn Sa Maison u Għawdex

Il-Gvern għadu bla soluzzjoni hekk kif fi ftit żmien ieħor il-vapuri tal-Gozo Channel mhux ser ikunu jistgħu jorbtu iżjed Sa Maison minħabba l-estensjoni tal-yacht marina

Il-Gvern għad m’għandux soluzzjoni biex isolvi l-problemi u l-inkonvenjenzi ta’ burdnara li jġorru l-merkanzija u ta’ kumpaniji li jivvjaġġaw bi trakkijiet kbar li jwasslu materjal lejn u minn Għawdex.

Diversi burdnara f’Għawdex huma nkwetati u qed jilmentaw dwar id-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi li qed jiltaqgħu magħhom biex iwasslu l-merkanzija lejn Malta.

Il-Ministru għal Għawdex s’issa m’għandhux soluzzjoni
Għal dawn il-problemi, il-Ministru għal Għawdex s’issa m’għandhux soluzzjoni għal dawn id-diffikultajiet li tqajmu fil-Parlament mix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said.

Il-vjaġġi bejn Sa Maison u l-port tal-Imġarr, primarjament jintużaw minn trakkijiet kbar tal-merkanzija għat-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Refalo qal fil-Parlament li se jagħmel dak kollu possibbli biex dan is-servizz jibqa’ jingħata.

Vjaġġi bla skeda u jinbidlu diversi drabi
Sad-19 ta’ Novembru ta’ din is-sena, saru 167 vjaġġi lejn Sa Maison u lura lejn l-Imġarr. Il-vjaġġi bejn l-Imġarr u Sa Maison li jsiru darbtejn fil-ġimgħa jinbidlu diversi drabi għal diversi raġunijiet.

Quddiem din ir-realtà u s-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċha magħha l-burdnara, issa jirriżulta li qed jiżdiedu fin-numru t-trakkijiet kbar fil-Port taċ-Ċirkewwa minħabba li s-servizz minn u lejn Sa Maison mhux qiegħed ikun konsistenti.

Jirriżulta li fost l-ilmenti u preokkupazzjonijiet hemm li s-servizzi lejn Sa Maison mhumiex bi skeda. Aktar ta’ tħassib hu li f’ħafna okkażjonijiet dawn il-vjaġġi jitħassru għal raġunijiet differenti.

Inkwiet ieħor huwa dwar il-fatt li fi ftit żmien ieħor, il-vapuri tal-Gozo Channel mhux ser ikunu jistgħu jorbtu iżjed Sa Maison għaliex fil-post fejn jorbtu llum ser tiġi estiża l-yacht marina. Sal-lum għadu ma nstabx post alternattiv fejn jistgħu jittrakkaw il-vapuri tal-Gozo Channel fil-vjaġġi lejn il-Belt.

Aktar tul ta’ ħin biex titwassal il-merkanzija jkun ifisser ħafna aktar spejjeż
Jekk is-soluzzjoni tkun li l-vjaġġi jibdew isiru lejn il-Port il-Kbir, ħafna burdnara qed isostnu li dan jista’ joħloq ukoll inkonvenjent għaliex minbarra li m’hemmx spazju fejn isir il-parkeġġ tat-trakkijiet, ikunu jridu jistennew l-ordnijiet tal-Port Master minħabba t-traffiku ta’ vapuri fil-Port il-Kbir. Dan jissarraf ukoll f’ħafna ħela ta’ ħin.

Għal dawn id-diffikultajiet kollha, skont ir-risposta li ta l-Ministru Refalo fil-Parlament, s’issa għad m’hemmx soluzzjonijiet. Il-burdnara qed isostnu li aktar tul ta’ ħin biex titwassal il-merkanzija, ikun ifisser ħafna aktar spejjeż.

Il-problema wkoll tkompli tikber f’każ li t-trakkijiet bit-tagħbija jkollhom jitilgħu ċ-Ċirkewwa biex jaqsmu lejn Għawdex, jew il-burdnara minn Għawdex jaqsmu lejn iċ-Ċirkewwa, b’aktar trakkijiet fit-toroq li jagħtu minn u lejn iċ-Ċirkewwa.