Lokali

Attenzjoni għall-Manifattura

Il-Pass li jmiss għall-ekonomija hu li din tibda trendi iktar għan-nies. Meta kien qed jindirizza diskussjoni waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li għad fadal setturi tal-ekonomija li fihom, il-paga medja qed tonqos minflok tiżdied.

Fost dawn is-setturi, kompla Simon Busuttil, hemm il-manifattura u l-kostruzzjoni. Hu qal li sfortunatament l-allarm fil-qasam tal-manifattura ilu li daqq u l-Prim Ministru mhux qed jidentifika l-isfidi ta’ dan is-settur.

L-istess jista’ jingħad għall-esportazzjoni u l-pensjonijiet. Il-Kap tal-PN qal li l-fatt li kien hemm zieda ta’ 2,500 anzjani li jinsabu fil-faqar juri li l-pensjonijiet diġa’ huma mhux adekwati. Simon Busuttil qal li hu jaqbel mal-proposta tal-UĦM li jkun hemm studji biex eventwalment issir l-introduzzjoni tat-tieni pilastru tal-pensjonijiet.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa għall-aħbar tat-300 sensja mill-fabbrika De La Rue u qal li dak li qed jiġri hu stampa ta’ dak li qed jiġri bil-globalizzazzjoni hekk kif id-De La Rue f’Malta ħadet xogħol mir-Renju Unit u xogħol ieħor ittieħed lejn pajjiżi oħra. Hu qal li se jindirizza din is-sitwazzjoni, anki bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-aġġustament tal-globalizzazzjoni.

Hu qal li l-fatt li nofs l-impjiegi li qed jinħolqu, qed jittieħdu mill-barranin hi sfida reali li għandha żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel waħda hi ħiliet partikolari ħafna li ftit Maltin għandhom bħal per eżempju Maltin li jafu jitkellmu b’lingwi Skandinavi, u t-tieni waħda hi tipi ta’ xogħol li l-Maltin mhux lesti li jaħdmu fihom bil-pagi offruti.

Joseph Muscat qal li ma jaqbilx mat-tieni pilastru tal-pensjonijiet u lanqas ma’ xi żidiet fil-paga minima għaliex dawn ifissru nuqqas ta’ kompetittivita’ u jgerrxu l-investiment.

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, qal li l-pajjiż għandu jħares fit-tul f’dawk is-setturi li fihom jista’ jitlef il-kompetittivita’. L-Armonizzazzjoni tat-taxxa fuq il-qliegħ madwar l-Unjoni Ewropea hi xi ħaġa li għada, pitgħada se tidħol fis-seħħ u dan jolqot is-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming fost oħrajn. Minn issa, Malta għandha taħseb biex tagħmel tajjeb għal xi telf ta’ impjiegi li jista’ jkun hemm.

Meta għalaq id-diskussjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella qal li hekk kif il-union se tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif tagħha, l-għanijiet tagħha twessgħu hekk kif twessgħet it-tifsira ta’ dak li hu meħtieġ sabiex il-ħaddiem ikollu kwalita’ tal-ħajja aħjar. Hu qal li jinsab diżappuntat li l-PM mhux lest li mqar jikkumissjoni studju dwar it-tieni pilastru tal-pensjonijiet.