L-awtoritajiet Taljani li qed jinvestigaw lil Sirjani arrestati fl-ajruporti Taljani fi triqithom lejn Malta, mhux jemmnu l-verżjonijiet mogħtija lilhom u qed jaslu dejjem iktar għall-konklużjoni li Malta ntagħżlet bħala destinazzjoni kull darba għax minnha hu iktar faċli tmur f’pajjiżi oħra fl-Ewropa bla ma tagħti fl-għajn.
Alali Faouwaz, ta’ 30 sena, u Hazm Alhag, ta’ 19-il sena, għadhom miżmuma arrestati. Faouwaz jista’ jiffaċċja akkużi ta’ terroriżmu għalkemm sieħbu qed jinżamm biss, għalissa, minħabba l-użu ta’ passaport falz. It-tnejn li huma kienu se jitilqu mill-ajruport ta’ Bergamo, qrib Milan, lejn Malta.
Mill-investigazzjonijiet s’issa fl-Italja joħroġ li hemm rabta bejn dawn iż-żewġ Sirjani u t-tnejn l-oħra, arrestati bi ftit jiem ta’ differenza bejniethom, li wkoll kienu se jitilgħu fuq titjira lejn Malta, din id-darba minn Ruma.
Jidher li fiż-żewġ każijiet, il-biljetti tal-ajru nxtraw fl-aħħar minuta, u fid-darbtejn inxtraw minn Somalu li ħaseb għal kollox hu. Il-Pulizija Taljana issa qed tfittex lis-Somalu li jidher li stenna lill-erbat irġiel fi Vjenna, kien hu li pprovdilhom il-passaporti foloz u anke l-biljetti lil tnejn minnhom biex jaslu Ruma, minbarra li xtara l-biljetti tal-ajru għal Malta.
Il Corriere della Sera ta’ Bergamo spjega li l-kameras tas-sigurtà tal-ajruport qabdu lil Alali u Hazm fil-kontrolli tal-Pulizija, u quddiemhom kien hemm ir-raġel Somalu. Mill-investigazzjonijiet s’issa joħroġ li r-raġel mexa quddiemhom biex huma jkunu jistgħu jagħmlu bħalu iżda l-Pulizija waqqfu lis-Sirjani biss. Il Corriere della Sera speċifika li dan ifisser li s-Somalu tela’ fuq l-ajruplan għal Malta.
Il-ġurnal Taljan spjega wkoll li s-Somalu xtara numru ta’ biljetti oħra f’okkażjonijiet oħra li kienu jinvolvu lil Malta, fosthom biljetti għal Frankfurt wara li bagħat persuni minn Bari u minn Pisa lejn Malta.
Il-ġurnal iddeskriva lis-Somalu bħala persuna li għandu “għeruq sodi” fl-Italja u fi ftit żmien kapaċi jakkwista passaporti foloz. Għandu wkoll rabtiet ma’ lukanda qrib ħafna tal-istazzjon Termini f’Ruma fejn għadda xi ljieli ma’ ħames Sirjani oħra, li wieħed minnhom ħalla l-Italja minn Katanja. Iddeskrivih ukoll bħala persuna b’ċertu kwantità ta’ flus disponibbli, tant li jixtri biljetti tal-ajru mil-lum għall-għada. Il-ġurnal qal ukoll li r-raġel ħallas “ħafna” biljetti tal-ajru mill-istess credit card.
Skont il-Maġistrat li qed jivverifika l-provi, Vincenzo Maccora, dawn il-punti kienu kollha biżżejjed biex iżomm lil Faouwaz fuq akkuża ta’ sehem f’organizzazzjoni internazzjonali li taħdem fil-qasam tat-traffikar tal-immigranti.
Imma l-uffiċjal tal-Prosekuzzjoni, inkarigat mill-ħidma kontra t-terroriżmu, Silvia Bonardi, fl-ordni tal-arrest kitbet ukoll li Faouwaz qed jinżamm minħabba suspett li hu qrib l-Istat Iżlamiku.
Mir-ritratti tas-Sirjan misjuba fuq it-telefon ċellulari tiegħu, hemm ritratti tiegħu liebes l-uniformi tal-pulizija tat-triq fl-Istat Iżlamiku, tiegħu b’kalashnikov, bi ħwejjeġ camouflage u ritratt ieħor b’tunika griża u bandana ma’ rasu. Faouwaz saħaq li dawn ittieħdu minħabba ħtieġa ta’ xogħol imma l-awtoritajiet Taljani mhumiex jemmnuh għax, skont huma, il-verżjonijiet tiegħu mhumiex kredibbli.
Instabulu wkoll ritratti ta’ wliedu, inkluż ibnu ta’ disa’ xhur b’faxxa ma’ rasu bil-logo tal-grupp ta’ ribelli al-Nusra, li hu qrib ħafna tal-Al Qaeda u tal-ISIS. Anke dwar dawn, Faouwaz qal li f’Raqqa kien obbligatorju li tilbes ħwejjeġ bil-logos tar-ribelli u li xtrahom ħuh, li hu ffissat fl-ISIS.
Imma anke hawn, għall-Maġistrat dawn għandhom sinifikat preċiż, li Faouwaz kellu l-approvazzjoni sħiħa tal-ISIS u kien jappoġġja l-għanijiet tagħha. Il-Maġistrat ta importanza wkoll għall-fatt li l-katavru ta’ ħu Faouwaz ingħata lill-familja propju mill-ISIS, u dan għalih “hu ġest ta’ rispett u ta’ appartenenza”.
Lill-Pulizija Taljana, Faouwaz qalilha li hu ħarab mill-militanti, li kienu kkundannawh għal korruzzjoni u sawtuh, u li kien wasal fit-Turkija b’mod klandestin billi libes ta’ mara. Imma anke hawn, il-Maġistrat ma emmnux u qal li l-atteġġjament tiegħu jikkuntrasta ferm ma’ min verament ifittex l-ażil.
Qal ukoll li l-marki ta’ swat li għandu fuq ġismu ma jaqblux mat-tip ta’ swat li qal li rċieva, waqt li staqsa għalfejn, jekk veru kien qed jaħrab u kien jeħtieġ il-protezzjoni, ma talabx l-ażil politiku fl-ewwel pajjiż sigur li sab ruħu fih.
Il-Maġistrat semma wkoll kuntradizzjoni oħra, għaliex Faouwaz qal li kien iltaqa’ maż-żagħżugħ l-ieħor b’kumbinazzjoni fit-Turkija, imma skont Alhag iltaqgħu wara li kien ikkuntattja lil Faouwaz fuq WhatsApp wara indikazzjonijiet minn ħuh.
L-awtoritajiet Taljani qalu li s-Sirjan qal li kien se jidħol f’Malta biex jaħdem għax, sostna, għandu qraba fil-pajjiż. Imma għall-awtoritajiet, Malta hi biss skuża biex mill-pajjiż jilħaq destinazzjonijiet oħra tant li huma ddesrivew lil pajjiżna bħala wieħed li minnhu hu faċli li ma tagħtix fil-għajn u tgħaddi għal pajjiżi oħra. Skont huma, ir-ritratti li kellu fit-telefon tiegħu jservu bħala forma ta’ “akkreditament” ma’ ħaddieħor f’dik li huma jqisu bħala d-destinazzjoni aħħarija.
//= $special ?>

