Waslet f’Malta Gianna Jessen. Mara ta’ 38 sena li qed tiddedika ħajjitha sabiex twassal il-messaġġ tagħha kontra l-abort. Dan hekk kif hi, hi riżultat ta’ abort li ma rnexxiex.
F’pajjiżna Gianna tixtieq li tinforma lill-pubbliku dwar dak li għaddiet minnu, li hi kawża ta’ abort li ma’ rnexxiex u li konsegwenza t’hekk, Gianna tbagħti minn kundizzjonijiet mediċi. Hi waslet pajjiżna llum wara nofsinhar u eżatt kif waslet għamlet konferenza tal-aħbarijiet sabiex tispjega ż-żjara tagħha u tirrakkonta l-istorja tagħha.
Gianna twieldet fl-1977, fl-Amerika. L-omm naturali tagħha għamlet abort meta kellha 17-il sena. Proċess li b’xorti tajba għal Gianna ma’ rnexxiex. Il-proċess li sar hu magħruf bħala saline abortion. Metodu li rari jintuża għal abort fi stadju avvanzat tat-tqala. B’dan il-metodu tkun injettata kimika fl-utru. Proċess li Gianna rnexxielha ssalva minnu.
Eventwalment, Gianna, kienet addotata u minn mindu kellha 14-il sena bdiet titkellem fil-pubbliku favur il-ħajja. Minkejja t-tbatijiet li tgħaddi minnhom ta’ kuljum, Gianna m’għandiex mibgħeda lejn ommha naturali u hi deskritta minn ta’ madwarha bħala persuna pożittiva u ferriħija mmens.
F’diversi diskorsi li tagħmel Gianna tispjega kif hu faċli li n-nies jaħsbu dwar l-abort mil-lat politiku jew bħala dritt. Iżda hi tgħid, li hi m’hix dritt iżda umana.
//= $special ?>

