Qorti

Ġuri tal-Bona: L-unika raġuni għall-isfida vjolenti kien inċident dwar iċ-‘choker’

Fil-Qorti llum intqal li l-unika raġuni li wieħed jista’ jagħti għall-isfida vjolenti ta’ Anthony Borg, magħruf bħala Il-Bona, lil Allan Galea, kien li Galea kien messlu ċ-choker tiegħu tad-deheb xi tliet ġimgħat qabel inqatel b’daqqiet ta’ sikkina meta t-tnejn kienu xurbana.

Galea, ta’ 36 sena, qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Borg, ta’ 39 sena, fil-pjazza ta’ Marsaxlokk, nhar il-21 ta’ Frar tal-2010.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija joħroġ li Borg kien ċempel lil Galea xi sitt darbiet fi 15-il minuta, qrib is-6pm, jisfidah għal ġlieda. Joħroġ ukoll li Galea kien wieġeb it-telefon biss darba u ħareġ mid-dar, bil-bqija tat-telefonati tweġibhom it-tfajla tiegħu, Amanda Grech, li dak il-ħin kienet id-dar ma’ binthom ta’ sena. Kienet Grech li kienet ċemplet lill-Pulizija biex imorru jiġru l-każin tal-PN f’Marsaxlokk.

L-Ispettur Joseph Mercieca fil-Qorti qal ukoll li Paul Borg, li kien imexxi l-bar tal-każin f’Marsaxlokk, kien qal li Borg u qraba tiegħu kienu ilhom jixorbu fil-bar mis-2.30pm. Qal ukoll li kien talbu għan-numru tat-telefon ta’ Galea imma li hu ma kellux. Paul Borg qal li Anthony Borg kien irnexxielu b’xi mod jakkwista n-numru tat-telefon ta’ Galea u f’ħin minnhom semgħu tant jgħajjat mal-persuna fuq il-linja li talab lil kulħadd jitlaq ’il barra għax beża’ li seta’ jseħħ xi qtil.

L-Ispettur qal ukoll li l-ewwel indikazzjoni għall-Pulizija li kienet intużat arma tan-nar kien wara li nstab bullet li ma kienx ħa u li kien taħt il-ġisem tal-Bona.

L-avukat Giannella de Marco, f’isem id-Difiża, staqsiet lill-Ispettur jekk il-qraba tal-vittma kinux qalu li l-mejjet stess kien spara żewġ tiri minn arma tan-nar, bl-Ispettur iwieġeb li Clifton Cassar, l-għarus tan-neputija tal-vittma, kien tah din l-informazzjon imma mhux mill-ewwel.

L-Ispettur qal ukoll li t-tfajla tal-Bona, Claire Magri, kienet tat verżjonijiet differenti. Fil-bidu kienet qalet li ma saret taf bl-inċident wara li seħħ għax dak il-ħin kienet fi trakk fil-qrib, tħares lejn il-baħar. Imma Borg, li jieħu ħsieb il-bar, kien qal lill-Pulizija li kienet Magri li tatu l-arma tal-vittma u talbitu biex jaħbiha. Il-barman kien għamel kif talbitu u iktar tard, għadda l-arma lill-Pulizija meta kienet qed tfittixha fl-investigazzjonijiet tagħha, bil-kundizzjoni li ma jakkumpanjawhx biex jirtiraha. Ir-raġel kien twassal mill-Pulizija f’Ħaż-Żabbar fejn stennewh madwar nofsiegħa qabel irritorna bl-arma.

Fil-Qorti wkoll ħareġ li waqt l-investigazzjonijiet, il-Pulizija sabet tmien notebooks fil-vettura tal-mejjet. F’uħud minnhom kien hemm lista ta’ ismijiet, numri tat-telefon, iċ-ċifri ta’ flus li kellhom jagħtuh u l-interessi li kienu qed jiżdiedu. Kien hemm ukoll “calculator”. Intqal ukoll li l-vittma kien magħruf mal-Pulizija għall-flus li kien jislef iżda li l-akkużat ma kellux flus mislufa mingħandu.

L-Ispettur ikkonferma, fil-Qorti, li madwar tliet ġimgħat qabel l-inċident, Galea kien ġibed iċ-choker tad-deheb ta’ Borg u skont l-avukat de Marco, “dak kien ir-reat li għamel Galea”.

L-Imħallef Antonio Mizzi qed jippresiedi l-każ, bl-avukati Lara Lanfranco u Kristina Debattista mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jmexxu l-Prosekuzzjoni. Giannella de Marco, Joe Giglio u Steve Tonna Lowell qed jidhru għall-akkużat u Matthew Brincat u Franco Debono qed jidhru parte civile għall-qraba tal-vittma.

Ritratt: Arkivji