Lokali Parlament

Il-Gvern miexi fuq l-istess pożizzjoni tal-Gvern ta’ qabel dwar is-sħubija tat-Turkija fl-UE

It-Turkija trid tissodisfa l-kriterji tas-sħubija fl-UE

Il-Gvern illum miexi fuq l-istess pożizzjoni tal-Gvern preċedenti fuq il-pożizzjoni tas-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea. Bħall-Gvern Nazzjonalista, il-Gvern Laburista llum hu favur sħubija kemm-il darba jiġu sodisfatti kollha l-kriterji tas-sħubija.

Din il-pożizzjoni ddikjaraha l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sħubija tat-Turkija fl-UE wara li saret stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru b’rabta mas-summit li sar fit-Turkija, u s-summit dwar it-tibdil fil-Klima li seħħ f’Pariġi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tilqa’ ż-żewġ summits li saru fl-aħħar ġimgħa u staqsa lill-Prim Minsitru jgħid x’inhu l-impenn tat-Turkija, u biex qed tintrabat mal-impenn li wriet l-UE li tagħti tliet biljun f’għajnuna lit-Turkija.

Tkellem ukoll dwar l-influss ta’ refuġjati mis-Sirja lejn it-Turkija bit-tama li ħafna jaslu sal-Isvezja jew il-Ġermanja, bit-Turkija tħallihom għaddejjin u mingħajr ebda sforz biex tikkontrolla dan l-influss.

Irrimarka wkoll li hekk kulħadd hu konxju li t-Turkija qed tilqa’ żewġ miljun refuġjat f’din it-traġedja umana, appella biex it-Turkija tinkludi aktar protezzjoni lejn il-fruntieri Ewropej. Staqsa wkoll dwar il-pożizzjoni li ħadet l-UE dwar l-inċident bejn ir-Rusjja u t Turkija meta twaqqa’ ajruplan Russu fit-Turkija.

Dwar il-COP 21, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jaqbel mal-Gvern li l-kwistjoni tal-klima hi waħda mill-isfidi ewlenin tal-politika internazzjonali flimkien ma’ dik tal-immigrazzjoni u t-terroriżmu.

Appella lill-Gvern juri impenn fuq il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għaliex is-saħħa mhix fid-daqs, iżda fil-persważjoni ta’ pajjiżna fid-dibattitu internazzjonali favur azzjoni immedjata.

Staqsa x’se tagħmel Malta fl-enerġija rinnovabbli u fiex waslet fil-miri li jridu jintlaħqu sal-2020.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, Tonio Fenech, staqsa dwar l-opinjoni tal-Gvern dwar it-talba u l-implikazzjoni tat-Turkija li tidħol fil-ftehim ta’ Schengen anke fid-dawl tal-influss ta’ refuġjati mis-Sirja.

Tkellem ukoll dwar is-summit dwar it-tbdil fil-klima, u qal li qed ikunu diskussi miri li jorbtu lill-pajjiżi b’liġi fuq livell dinji. Staqsa wkoll kemm il-Gvern hu kunfidenti li jintlaqgħu l-miri ta’ nuqqas ta’ temperatura, u x’qiegħed isir konkretament biex jonqos it-traffiku u għaldaqstant it-tniġġiż f’dan is-sens.

Fir-rimarki tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-Turkija hi sieħeb strateġiku u bħall-Oppożizzjoni jemmen li jaqbel mas-sħubija kemm-il darba tissodisfa l-kriterji tal-UE. Il-Gvern illum miexi fuq l-istes politika tal-Gvern preċedenti. Semma li l-kwistjoni tar-roadmap tal-visas li t-Turkija qed tgħid li se tibda timplimenta, tindika rikonoxximent anke ta’ Ċipru. Fisser li mid-diskussjonijiet li segwa fuq il-kwistjoni ma’ Ċipru, qed isiru avvanzi fil-kwistjoni bejn it-Turkija u Ċipru.

Jekk it-Turkija tissieħeb tkun l-akbar pajjiż fl-UE
Spjega li fil-fehma tiegħu wkoll, fadal ħafna biex it-Turkija tidħol fl-UE u rrimarka li jekk it-Turkija tidħol fl-UE tkun l-akbar stat membru – akbar mill-Ġermanja. Dan ikun ifsser li l-politika agrikola tal-UE mhix sostenibbli aktar bis-sħubija tat-Turkija, jew bid-daqs tat-Turkija.

Semma li s-sħubija tat-Turkija fl-UE hi kwistjoni ta’ viżjoni fit-tul u fil-fehma tiegħu, it-Turkija bagħtet messaġġ li se tibda ddawwar ħarsitha lejn postijiet oħrajn jekk ma jseħħx il-proċess lejn l-UE

Dwar l-għajnuna finanzjarja uu inizzjali ta’ €3 biljuni, il-Prim Ministru qal li t-Turkija kienet qed titlob ħafna aktar, bil-media tirrapporta tliet biljuni fis-sena.
L-aktar punt kruċjali, qal il-Prim Mnistru, hu minn fejn se jiġu dawk il-fondi u rrimarka li s’issa dak li ġe maqbul kien li l-Kummissjoni tara kif se tiġbor dawn ilflus li jistgħu jiġu minn fond li ma ntefqux u magħhom jiżdiedu fondi addizzjonali.

Irrimarka wkoll li t-Turkija diġà addottat policy umanitarja li tilqa’ lis-Sirjani li qed jaħarbu mill-gwerra. It-Turkija qed tgħid li qed tonfoq €8 biljun fis-sena biex timmaniġġja ċ-ċentri fejn qed jgħixu r-refuġjati li ġejjin mis-Sirja.
Dwar il-kwistjoni tas-sħubija tat-Turkija fix-Schengen, il-Prim Ministru qal li hemm pajjiżi li qed jiddibattu li joħolqu Schengen ieħor bejn numru ta’ pajjiżi.

Dwar l-inċident bejn it-Turkija u r-Russja, il-Prim Ministru Muscat qal li l-UE ma ħadet ebda pożizzjoni. Il-Gvern Malti jemmen li dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom jersqu lejn xulxin biex jitkellmu.

Dwar is-summit f’Pariġi, tkellmu l-Ministri Leo Brincat u Konrad Mizzi li fissru li Malta miexja mal-miri stabbiliti kemm fid-dimensjoni lokali kif ukoll mal-miri Ewropej u internazzjonali biex titnaqqas it-temperatura kif ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet għal arja aktar nadifa b’diversi inizjattivi li qed jieħu l-Gvern.