Lokali Parlament

Il-Labour illum fil-Gvern qiegħed “jivvota kontra l-programm elettorali tiegħu stess

Il-Gvern kontra li l-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jitwaqqaf fuq l-istess formola tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi

F’botta u risposta bejn is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u l-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia li llum hi indipendenti, Marlene Farrugia filwaqt li ddikjarat li vvutat “bil-qalb Labour u favur il-manifest elettorali” fl-aħħar elezzjoni, għal darb’oħra ddikjarat li l-Labour illum fil-Gvern qiegħed “jivvota kontra l-programm elettorali”, u staqsiet kif jista’ jkun qatt dan?

Dawn ir-rimarki għamlithom waqt id-dibattitu dwar żewġ emendi mressqa mill-Oppożizzjoni biex il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ikun kompost fuq il-mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi biċ-Chairperson ikun membru tal-Oppożizzjoni u l-maġġoranza fil-Kumitat tkun xorta tal-Gvern.

L-emenda oħra tal-Oppożizzjoni mressqa wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, titlob lill-Gvern idaħħal fil-Liġi li l-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jiddiskuti wkoll policies, proġetti u materji oħra meqjusa bħala ta’ importanza nazzjonali kif meqjusa mill-Kumitat Permanenti.

Għall-pożizzjoni tal-Gvern li ddikjara li dawn il-punti diġà ġew diskussi u spjegati mill-Gvern fi stadju ieħor, id-Deputat Marlene Farrugia staqsiet x’inhi din il-biża mit-trasparenza jekk l-affarijiet kif qed jiġu proposti lill-Gvern se jsiru aktar sew. Staqsiet għal darb’oħra x’inhi l-problema tal-Gvern?

Hemm barra qed jingħad li qed tqarrqu bin-nies għax wegħedtu mod u qed twettqu ieħor
Marlene Farrugia kompliet tiftaħ għajnejn il-Gvern u tisħaq li “hemm barra qed jingħad li qed tqarrqu bin-nies għax wegħedtu mod u qed twettqu ieħor”.

Ryan Callus ukoll wieġeb għal battuti li għamel is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fid-difiża tiegħu għall-kritika li l-Gvern mhux qed jimxi mal-programm elettorali, u rrimarka li l-membri tal-Gvern aktar huma mitlufa fir-rapport tat-telfa elettorali tal-PN milli mitlufa biex iwettqu l-manifest elettorali li l-Partit Laburista wiegħed u li bih rebaħ l-aħħar elezzjoni.

Gvern determinat li jibqa’ jivvota kontra l-manifest elettorali tiegħu stess
Ryan Callus qal li b’dak li qiegħed jagħmel illum, il-Gvern Laburista hu determinati li jibqa’ jivvota kontra l-manifest elettorali tal-gvern stess.
Fisser bħala ħasra li emenda li tagħti aktar kredibbiltà lill-Parlament u aktar trasparenza u parteċipazzjoni aktar wiesgħa, qed issib il-vot kontra tal-Gvern.

Il-Gvern ma jridx jiddiskuti Żonqor 2
Id-Deputat Nazzjonalista qal li b’dak li jrid il-Gvern, jekk ikollna proposta oħra bħal dik taż-Żonqor (Żonqor 2), fejn kienet se tittieħed 90,000 metru kwadru ta’ art destinata bħala park naturali, ma tkunx diskussa mill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Fakkar li l-Kumitat Permanenti ddiskuta l-proġett taż-Żonqor għaliex iċ-Chairperson li kienet id-deputat, dak iż-żmien tal-Gvern Marlene Farrugia , qablet li jiġi diskuss il-proġett fiż-Żonqor

Tikkritika li dak li qed jgħid il-Gvern ma jagħmel ebda sens
Id-Deputat Marlene Farrugia ddikjarat fir-rimarki tagħha dwar dawn l-emendi, li kienet qed taqbel mal-proposti mressqa minn Ryan Callus l-aktar minħabba dak li sar fl-ambjent u l-ippjanar tal-iżvilupp fis-snin li għaddew. Irrimarkat ukoll li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni għax ried bidla mill-qiegħ tas-settur tal-ambjent. Ikkritikat ukoll li dak li qed jgħid il-Gvern illum ma jagħmel ebda sens.

Meta ttieħed il-vot dwar dawn iż-żewġ emendi llejla għall-ħabta tal-10pm, il-Gvern ivvota kontra u d-Deputat Marlene Farrugia vvutat favur l-emendi tal-Oppożizzjoni.