Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN bi proposta konkreta oħra favur il-persuni neqsin mid-dawl

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Forum Opportunitajiet Indaqs (FOIPN), illum ippreżenta proposta konkreta li jekk tidħol fis-seħħ, tagħmel aktar faċli l-ħajja tal-persuni neqsin mid-dawl. Il-proposta hi li tiġi installata sistema ta’ ħsejjes mal-pelican lights kollha fil-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.

Il-proposta, li ġiet ippreżentata waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza wkoll ta’ numru ta’ Sindki u Minority Leaders li qed jappoġġjawha, qed tiġi estiża wkoll biex tidħol fis-seħħ fil-pelican lights li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jittama li din il-proposta tintlaqa’ wkoll mill-Gvern, l-ewwel pass għandu jkun li s-sistema tiġi installata fuq il-pelican lights li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Qal li qabel ma ġiet ippreżentata, il-proposta ġiet diskussa fi proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsillieri Lokali tal-Partit, b’mod partikolari dwar dak il-finanzjament tagħha.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja Robert Cutajar spjega kif il-proċess ta’ din il-proposta hu wieħed maqsum fuq numru ta’ proċessi. Spjega li l-pjan hu li wara li l-pelican lights kollha jkunu aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl, is-sistema tiġi installata wkoll fuq iż-zebra crossings. Hu sostna li permezz ta’ din il-proposta, il-persuni neqsin mid-dawl se tiżdidilhom l-indipendenza, l-aċċessibbiltà u anke s-sigurtà.

Iż-żewġ Kelliema tal-Oppożizzjoni rringrazzjaw lill-FOIPN għall-ħidma f’dan is-settur, b’mod partikolari wkoll għall-mod kif idea li ħarġet waqt konferenza, ġiet studjata sakemm issa ġiet ippreżentata biex tiddaħħal fis-seħħ.

Il-President tal-FOIPN Graziella Schembri fakkret li din mhix l-ewwel inizjattiva tal-FOIPN għall-persuni b’diżabbiltà, tant li s-sena li għaddiet il-Forum ħadem biex ġiet ippreżentata Private Members’ Bill ħalli l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà ssir awtonoma. Barra minhekk, ġiet ippreżentata wkoll Emenda fil-Kostituzzjoni biex tintemm darba għal dejjem id-diskriminazzjoni a bażi ta’ diżabbiltà.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll id-Direttur tal-Kunsilli Lokali Amanda Abela, il-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista Alan Abela Wadge, kif ukoll Franco Vella, iċ-Chairperson tas-Sotto-Kumitat tal-Persuni b’Diżabbiltà fl-FOIPN.