Ekonomija Lokali

Il-PN jinsisti għal aktar investiment fis-settur turistiku

Il-Partit Nazzjonalista esprima sodisfazzjon għall-figuri inkoraġġanti tan-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna f’Ottubru li għadda u kif dawn jitqabblu mas-snin u x-xhur ta’ qabel.

Dan qalu fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, li fiha ntqal ukoll li dawn iż-żidiet jirriflettu xejra li ilha ġejja għal numru ta’ snin. Il-Partit Nazzjonalista qal li dan is-suċċess jirrappreżenta l-viżjoni li kellhom Gvernijiet preċedenti u l-frott ta’ għadd ta’ miżuri strateġiċi meħuda minn Gvernijiet suċċessivi, flimkien mal-industrija turistika, biex tiġi attwata din il-viżjoni.

Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista saħaq fuq il-fatt li r-riżultati fit-turiżmu ma jinkisbux mill-lum għall-għada, iżda b’deċiżjonijiet fit-tul. Qal li m’hemmx dubju li l-investiment fil-prodott turistiku fih innifsu, u l-marketing tal-prodott flimkien mad-deċiżjoni li jingħata aċċess għal-linji tal-ajru low cost, kienu fost id-deċiżjonijiet li kkontribwew bil-kbir għal dak li qed ingawdu llum.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex, flimkien mal-istakeholders l-oħra involuti direttament fl-industrija tursitika, jagħmel analiżi tar-riżorsi infrastrutturali u umani ta’ pajjiżna. B’hekk ikunu identifikati aspetti li jeħtieg jissaħħu ħalli pajjiżna jilqa’ tajjeb għall-ħtieġa ta’ kapaċità akbar li qed iġibu magħhom dawn ir-riżultati.

Il-Partit Nazzjonalista sostna wkoll l-appell tiegħu biex, fit-tkomplija tal-investiment meħtieġ fil-prodott turistiku u fil-marketing, jagħmel l-aħjar użu mill-fondi Ewropej, kemm permezz ta’ investiment mill-Gvern innifsu, kif ukoll f’sejħiet u skemi għall-privat. Madankollu, sfoturnatament, dan ma jirriżultax li qed isir, temmet tgħid l-istqarrija.