Lokali

Il-PN qed iressaq proposti għal manifatturi differenti

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil esprima s-solidarjetà mal-ħaddiema tal-fabbrika De La Rue, filwaqt li ffoka l-interventi tiegħu dwar l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tal-manifattura u s-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-paga medja reali qed tonqos minflok tizdied.

Simon Busuttil qal li fid-Dokument “Ekonomija għan-Nies”, maħruġ mill-Partit Nazzjonalista ġimgħatejn ilu, qed tkun proposta manifattura li mhux bilfors tkun ta’ kumpaniji kbar, iżda kumpaniji iżgħar li jkunu iżjed flessibbli.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dak li qed jiġri fid-De La Rue hu stampa ta’ dak li qed jiġri fil-globalizzazzjoni, fejn minn naħa l-fabbrika f’Malta ġabet xogħol mir-Renju Unit u min-naħa l-oħra, De La Rue waqqfet xogħol minn Malta biex tiċċaqlaq lejn postijiet oħra.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aġir tax-Xandir tal-Istat li, fil-kampanja kontinwa tiegħu ta’ qerq u manipulazzjoni, fir-rappurtaġġ tal-aħbar inkwetanti li ħaddiema tal-kumpanija De La Rue se jitilfu xogħolhom, ipprova jaħbi dan il-fatt.