Marlene Farrugia tkompli tivvota mal-Oppożizzjoni u tressaq ukoll emendi
L-Oppożizzjoni kompliet tressaq aktar emendi biex tagħti aktar parteċipazzjoni, trasparenza u anqas poter lill-Ministru fid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar l-ambjent u l-ippjanar f’pajjiżna, bid-Deputat indipendenti Marlene Farrigia tibqa’ tivvota favur l-emendi tal-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Marlene Farrugia wkoll ressqet emendi f’isem l-Alternattiva Demokratika, liema emendi, bħal dawk tal-Oppożizjzoni, sabu lill-Gvern jivvota kontra.
Dawn l-emendi tressqu fid-dibattiti fis-seduta tal-lum li bdiet fis-2pm u kompliet għaddejja sa filgħaxija, fi stadju ta’ Kumitat, dwar l-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu l-Gvern qiegħed iwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ressaq diversi emendi, b’uħud minnhom ukoll isibu l-kunsens tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Iżda fuq prinċipji oħrajn ta’ importanza biex il-Ministru ma jkabbarx u ma jsaħħaħx il-poteri tiegħu, il-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jilqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni, u dan minkejja l-appelli anke tad-Deputat Marlene Farrugia.
L-Oppożizzjoni u wkoll Marlene Farrugia appellaw biex il-Gvern jispjega r-raġunijiet għaliex qiegħed jirrifjuta aktar parteċipazzjoni u firxa ta’ responsabbiltà fid-deċiżjonijiet marbuta mal-ambjent u l-ippjanar tal-iżvilupp, bis-Segretarju Parlamentari jiddikjara kemm-il darba li m’hemmx aktar rimarka x’jgħaddi u jitlob lis-Sedja, preseduta mid-Deputat Speaker Ċensu Galea, biex il-Kamra tgħaddi għall-vot.
Emenda partikolari tal-Oppożizzjoni kienet qed titlob lill-Gvern jaċċetta l-prinċipju li l-Kumitat Permananeti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jiddiskuti proġetti ta’ importanza nazzjonali bħalma hu l-każ tal-iżvilupp fiż-Żonqor, liema emenda l-Oppożizzjoni talbet ukoll vot, bid-Deputat Marlene Farrugia tivvota favur din l-emenda u kontra l-pożizzjoni tal-Gvern.
Emenda oħra tal-Oppożizzjoni trattat dwar il-poteri tal-Ministru meta jiżdiedu jew jitnaqqsu l-artijiet miz-zona tal-iżvilupp. Ryan Callus qal li fi stadju ta’ Kumitat dwar l-iSPED, kienet tressqet emenda mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busutitl, li kull ċaqliq taz-zona tal-iżvilupp jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.
L-Oppożizzjoni temmen li jkun aktar aħjar li l-Ministru ma jkollux il-poter li waħdu jżid jew inaqqas siti miż-żona tal-iżvilupp. Kull ċaqliq irid ikollu t-timbru mill-Parlament.
L-Opożizzjoni ressqet emenda b’artiklu ġdid fil-Liġi biex dwar kull tibdil ikun hemm avviż fil-Gazzetta tal-Gvern u jkun hemm żmien ukoll għall-konsultazzjoni u jkun hemm ukoll l-approvazzjoni tal-Parlament.
Għall-mistoqsijiet diretti kemm tal-Oppożizzjoni kif ukoll ta’ Marlene Farrugia biex il-Gvern jispjega jekk l-iSPED, il-pjan strateġiku dwar l-ambjent u l-iżvilupp, hux liġi, bl-Oppożizzjoni u b’Marlene Farrugia jiddikjaraw li dan hu dokument u mhux liġi, il-Gvern baqa’ ma jaqbilx u ma jkunx ċar.
Meta l-Oppożizzjoni baqgħet tinsisti li jkun hemm risposta ċara mill-Gvern, is-Segretarju Parlamentari wieġeb li dak li qed jintqal hu eresija legali meta hemm diġà proċedura stabbilita fil-liġi, u kkonkluda li m’għandux aktar rimarki.
Id-Deputat Laburista Charles Mangion irrimarka mal-Ispeaker li l-pożizzjoni tal-Gvern hi ċara u appella lill-Ispeaker biex “nimxu għall-vot u naqbdu u nagħlqu,” bid-Deputat Speaker iwieġeb li jrid jagħti l-kelma u jisma’ lil kull min ikun irid jgħaddi aktar rimarki qabel ma jissejjaħ il-vot.
//= $special ?>