Fl-aħħar tmien xhur, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nefaq f’reklamar is-somma ta’ kważi €277,000 – aktar minn kwart ta’ miljun ewro.
Minn dan l-ammont f’reklamar li sar bejn April sal-lum, jonqos x’jitħallsu madwar €41,300.
Dan jirriżulta minn mistoqsija li għamlet ix-Shadow Minister Marthese Portelli lill-Ministru Owen Bonnici.
Mill-informazzjoni li ngħatat, id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi nefaq is-somma ta’ €47,406 f’riklami għall-International Arbitration Centre u f’reklamar għall-Vot 16; Heritage Malta nefqet is-somma ta’ aktar minn €27,740; l-Orkestra Nazzjonali nefqet €22,740 f’reklamar; il-PBS nefaq €13,670 f’reklamar, filwaqt li għall-kampanja informattiva dwar il-ġustizzja ntefaq f’reklamar €8,850 li għadhom iridu jitħallsu. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nefqet ukoll f’avviżi u reklamar, is-somma ta’ €8,642.
Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali nefaq €20,647, li €11,367 se jiġu rikuperati mingħand il-Kunsilli Lokali.
Spiża oħra f’reklamar saret mill-Qrati ta’ Malta f’nefqa f’notifikamenti ta’ €55,753 u fil-Qrati ta’ Għawdex in-nefqa kienet ta’ €1,076.
Mis-somma ta’ €277,000 li ntefqu fit-tmien xhur li għaddew, €8,850 saru permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>