Lokali

Omm Russa taħrab b’binha Malti waqt vaganza mal-maħbub tagħha fi Praga

Dik li kellha tkun avventura ta’ vaganza fi Praga għall-koppja Anthony Busuttil u Larisa Leontieva, ilbieraħ filgħodu żviluppat fi ħmar il-lejl għall-missier meta ntebaħ li l-maħbuba tiegħu kienet ħarbet b’binhom Adam, li għandu seba’ snin.

L-istorja kienet żvelata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon, li rrapporta kif immedjatament wara li nduna, Busuttil beda jfittex lil Leontieva, Russa li tgħix f’Malta. Madankollu, it-tiftix intensiv tiegħu ma ħalla l-ebda riżultat pożittiv. B’hekk, hu kellu jinforma b’dak li ġara lill-Pulizija fi Praga, f’tentattiv li ibnu ma jitħarrabx lejn ir-Russja jew l-Ukrajna.

Barra minhekk, Anthony Busuttil għamel ukoll kuntatti mal-Gvern Malti, fejn talab għall-għajnuna kollha bit-tama li jwaqqaf lir-Russa milli tissokta bil-pjan tagħha. Ma’ In-Nazzjon, il-missier qal li kemm-il darba ibnu jibqa’ fl-Ewropa, preferibbilment fi Praga, jemmen li għad ikollu aċċess għalih.

Min-naħa l-oħra, jibża li kemm-il darba ibnu jitħarrab lejn ir-Russja jew l-Ukrajna, allura l-possibbiltajiet li jerġa’ jarah huma rimoti ħafna.

In-Nazzjon ikompli jirrapporta li għal Anthony Busuttil, din kienet sajjetta fil-bnazzi, hekk kif kien ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jippjana din il-vaganza mas-sieħba tiegħu. Il-ġurnal jirrapporta wkoll li hu mifhum li l-missier għamel rapport mal-Konsolat Malti fil-kapitali Ċeka Praga, anke għaliex it-tifel għandu Passaport Malti.

Bil-każ kien infurmat ukoll il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li, minn sorsi kkwotati mill-ġurnal, beda jagħti l-għajnuna immedjata lil Busuttil. In-Nazzjon kompla jirrapporta li matul l-investigazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Ċeki avżaw lill-missier Malti li jekk it-tifel ikun se jiddaħħal f’xi pajjiż bħar-Russja, jitwaqqaf għax ikollu bżonn Visa. Madankollu, l-affarijiet jikkomplikaw ruħhom jekk it-traġitt isir b’karozza.

Il-ġurnal ikompli jgħid li l-Pulizija Ċeka qed targumenta li kemm-il darba l-omm turi li t-tifel hu binha, jagħmilha faċli għaliha biex tivvjaġġa bit-tifel. Dan aktar u aktar meta Busuttil mhuiex miżżewweġ lil Leontieva, iżda biss is-sieħeb, u għalhekk, skont l-awtoritajiet Ċeki, il-Malti ma għandu l-ebda rabta legali ma’ omm it-tifel.