Is-seduta parlamentari tal-bieraħ l-Erbgħa li bdiet fis-2pm, baqgħet għaddejja sa tard matul illejla u ntemmet fis-1.08 am hekk kif il-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kien li s-seduta parlamentari tibqa’ għaddejja sakemm tingħalaq id-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat dwar l-Abbozz ta’ liġi mressaq mill-Gvern biex titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
Din hi t-tieni liġi li l-Gvern qiegħed iressaq u jiddiskuti fil-Parlament b’rabta mal-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista li jżarma l-MEPA u minflok jitwaqqfu żewġ awtoritajiet – waħda responsabbli mill-Ambjent u oħra separat għall-Ippjanar tal-Iżvilupp.
L-Oppożizzjoni qed tirrikonoxxi li l-Gvern għandu dritt li jwettaq dak li wiegħed fil-programm elettorali u jwaqqaf iż-żewġ awtoritajiet, iżda qed tinsiti li dan it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jirriflettu u jkunu konformi mal-wegħdiet li għamel il-Partit Laburista lill-elettorat qabel l-elezzjoni – awtoritajiet b’aktar trasparenza, b’vuċi aktar b’saħħitha tal-għaqdiet ambjentali mhux governattivi, b’anqas poteri f’idejn il-Ministru u b’aktar konsultazzjoni mal-Kumitat Permananenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
L-Oppożizzjoni ressqet għadd ta’ emendi biex jiddaħħal fil-Liġi dak li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni, bil-Gvern jivvota kontra l-emendi tal-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Marlene Farrugia wkoll ressqet diversi emendi f’isem l-Alternattiva Demokratika, u vvotat favur l-emendi tal-Oppożizzjoni. Ikkritikat ukoll b’mod qawwi lill-Gvern Laburista li mhux qiegħed iwettaq dak li wiegħed lill-poplu.
//= $special ?>