Il-Kap tal-PN, Simon Busuttil, appella lil Membri Parlamentari minn madwar id-dinja biex jieħdu l-ġlieda kontra d-dijabete fil-Parlamenti Nazzjonali.
Simon Busuttil kien qed jindirizza forum dinji ta’ Membri Parlamentari, imlaqqa’ f’Vancouver fil-Kanada, fi tmiem il-ġimgħa. Il-forum kien organizzat mill-Parliament Diabetes Global Network li jgħaqqad Membri Parlamentari minn madwar id-dinja u li huma impenjati fil-ġlieda kontra d-dijabete. Il-Kap Nazzjonalista hu Viċi-President ta’ dan il-grupp, li reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga fi tmiem il-laqgħa.
Fil-forum, Simon Busuttil ippropona lil Malta bħala mudell li lilu l-pajjiżi l-oħra għandhom ifittxu li jikkupjaw billi joħolqu grupp parlamentari bejn in-naħat differenti biex jittrattaw is-suġġett tad-dijabete. Il-grupp bejn iż-żewġ partiti, f’Malta, kien twaqqaf wara suġġeriment mill-istess Kap Nazzjonalista sentejn ilu.
Simon Busuttil issuġġerixxa wkoll azzjonijiet oħra konkreti li permezz tagħhom id-dijabete titla’ ’l fuq fl-aġenda politika, billi Membri Parlamentari jagħmlu pressjoni fuq il-Gvernijiet tagħhom biex jadottaw politika u strateġija dwar id-dijabete, u billi jkunu huma li jressqu proposti ta’ liġijiet biex tonqos l-obeżità.
Issuġġerielhom ukoll biex, fil-manifesti elettorali tagħhom, iressqu wegħdiet bil-miktub dwar il-ġlieda kontra d-dijabete u jinvolvu ruħhom f’networking internazzjonali.
Fi tmiem il-konferenza, il-membri preżenti adottaw dikjarazzjoni li ssejjaħ għal azzjoni iktar b’saħħitha kontra l-epidemija tad-dijabete, li taffettwa madwar 440 miljun ruħ madwar id-dinja. Simon Busuttil saħaq li l-politiċi għandhom dmir lejn dawk affettwati bid-dijabete biex ikollhom aċċess għall-aħjar trattament possibbli u biex jaħdmu kontra l-prevenzjoni.
Fil-konferenza kien hemm rappreżentanza minn iktar minn 60 pajjiż minn madwar id-dinja. Minbarra l-Kap Nazzjonalista, f’isem Malta kien hemm ukoll l-Membri Parlamentari Clyde Puli u Godfrey Farrugia. Id-deputat Laburista ppreżenta rapport dwar il-pożizzjoni ta’ Malta f’dan is-settur.
Joħroġ li d-dijabete f’Malta taffettwa madwar 10% tal-popolazzjoni waqt li ħafna oħrajn mhumiex konxji li huma dijabetiċi u għadhom iridu jagħmlu testijiet mediċi.
//= $special ?>


