Lokali

Tax-Xandir tal-Istat insensittivi mal-ħaddiema li se jitilfu l-ħobża ta’ kuljum

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aġir tax-Xandir tal-Istat li, fil-kampanja kontinwa tiegħu ta’ qerq u manipulazzjoni, fir-rappurtaġġ tal-aħbar inkwetanti li ħaddiema tal-kumpanija De La Rue se jitilfu xogħolhom, ipprova jaħbi dan il-fatt

Dan qalu fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, li fiha ngħad ukoll li fl-ebda ħin mhu aċċettabbli li l-Editur tal-PBS ikun daqshekk insensittiv ma’ dawn il-ħaddiema. Din hi xi ħaġa li taqbeż kull tip ta’ limitu, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Fl-istqarrija, sar appell lill-Editur tax-Xandir tal-Istat biex ma jħallix lilu nnifsu jibqa’ jiġi kkontrollat minn Kastilja għax b’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet, mhux biss qed jitlef il-kredibbiltà tal-PBS, iżda wkoll tiegħu nnifsu.

Il-Partit Nazzjonalista esprima wkoll ir-rabja kbira fost il-ħaddiema għal dan l-aġir mix-Xandir tal-Istat, wara li ftit tas-sigħat ilu ġew infurmati li se jkollhom jibdew ifittxu post tax-xogħol ieħor.