Tnejn minn kull tlieta fi New Zealand iridu jżommu l-bandiera ta’ bħalissa.
Hekk żvela stħarriġ tal-opinjoni pubblika hekk kif il-pajjiż qed jiġi iffaċċjat bl-ewwel referendum dwar l-għażla ta’ bandiera ġdida.
Sal-11 ta’ Diċembru, il-Kiwis jew ċittadini ta’ New Zealand, iridu jibgħatu bil-posta l-preferenza tagħhom fost ħames disinni f’każ li l-pajjiż jibdel il-bandiera nazzjonali tiegħu. Tlieta mill-ħames disinni juru l-werqa li hi, b’mod mhux uffiċjali, wieħed mis-simboli l-iktar użati fil-pajjiż. Ir-raba’ disinn juri d-disinn innukklat tal-Koru Maori u l-ħames disinn juri trijangoli bil-kuluri ta’ bħalissa, il-blu, l-aħmar u l-abjad, u l-iswed. L-ebda mill-ħames disinni m’għandha l-Union Jack li hu parti karatteristika tal-bandiera ta’ bħalissa.
Skont il-Prim Ministru John Key, il-bandiera attwali, li ilha tittajjar 114-il sena, hi wisq simili għal dik tal-Awstralja u ma tirrappreżentax lil New Zealand.
Imma stħarriġ li sar dan l-aħħar juri li 65% huma favur li tibqa’ dik li hi. L-istħarriġ, li sar bejn id-9 u s-17 ta’ Novembru, juri li 28% biss huma favur bidla fil-bandiera. Bord li twaqqaf apposta kien irċieva 10,000 disinn propost. Skont stħarriġ ieħor f’Ottubru, id-disinn rebbieħ se jkun dak li juri l-werqa bajda fuq sfond aħmar u blu.
Assoċjazzjoni li hi favur il-bandiera attwali qed tħeġġeġ lin-nies biex fir-referendum ta’ bħalissa ma jivvutawx imma jiktbu fuqu li huma favur il-bandiera kif inhi. Biex il-bandiera tinbidel, id-disinn rebbieħ f’dan ir-referendum irid jegħleb dak tal-bandiera kif inhi fit-tieni referendum li mistenni jsir is-sena d-dieħla. Hu stmat li s’issa ntefqu $25 miljun (dollaru ta’ New Zealand; jew €15-il miljun) f’dan l-eżerċizzju s’issa.
//= $special ?>