Kurżitajiet

Triq iżżejjen tal-Milied minn kmieni f’solidarjetà ma’ resident minnhom

Lil missier ta’ tlett itfal qalulu li probabbli ma jgħix sal-Milied minħabba l-marda terminali tiegħu. Il-ġirien tiegħu ftiehmu biex, flimkien, jiċċelebraw il-Milied kmieni biex Andy Haworth jgħix l-esperjenza tal-Milied.

Haworth, li jissejjaħ mill-ġirien tiegħu Mr Christmas, lejn l-aħħar ta’ Ottubru ntqallu li kien fadallu bejn tmienja u 12-il ġimgħa ħajja hekk kif il-kanċer tiegħu nfirex għall-fwied. Iżda determinat li ma jċedix għall-aħbar xejn sabiħa, dritt wara Halloween żejjen il-faċċata tad-dar bid-dawl tal-Milied biex jgħix l-atmosfera.

Haworth hu missier ta’ Georgina, ta’ 19-il sena, Abbie, ta’ 12-il sena, u Finley ta’ 8 snin.

Malli l-ġirien tiegħu semgħu bl-aħbar, ftehmu u organizzaw festin fit-triq f’ismu. Żejnu madwar 20 dar, inkluż bit-tiżjin fuq barra, u ħarġu jiltaqgħu jkantaw l-għanjiet tal-Milied u jaqsmu l-mince pies. Anke żjara minn Father Christmas irnexxielhom jorganizzaw!

Haworth, li ilu jgħix fl-istess triq għal iktar minn 15-il sena, qal li ħassu kommoss għall-ġest li urewh il-ġirien. “Il-qalb tajba li urewni u x-xewqat sbieħ tagħhom iġagħluni jkolli fiduċja li, meta jiena ma nibqax hawn, hawn nies b’qalbhom tajba li kapaċi jgħinu lil marti u lill-familja tiegħi. Inħossni xxurtjat li ngħix hawn”.

Skont il-ġirien tiegħu imma, l-istess ġirien huma ta’ qalb tajba għax kien hu, l-ewwel wieħed li dejjem ra kif jagħmel biex ikun ġar tajjeb.

Bintu Georgina u l-għarus tagħha Mike kellhom il-pjan li jiżżewġu fl-2017, imma issa sselfu l-flus biex iressqu t-tieġ ’il quddiem. “Ħsibna li missieri kellu biss uġiegħ f’dahru”, kompliet l-ewwel bint, “imma minn hemm għall-ħsieb li jista’ ma jkunx għadu magħna sal-Milied, kien xokk kbir”, qalet Georgina hekk kif spjegat li t-tieġ issa se jsir f’Jannar bit-tama li missierha jkun għadu magħhom.

Il-familja qed tħeġġeġ lil dak li jkun biex jiċċekkja, malli jħoss uġiegħ mhux tas-soltu, jew malli jinnota bidla f’ġismu għax, jistqarru, li kieku Andy qabad it-tumur minn kmieni, kien ikollu possibiltà ferm ikbar li jfieq.