Internazzjonali

Twissija tan-Nazzjonijiet Uniti li l-ISIS qed jissaħħaħ fil-Libja

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-ISIS fil-Libja qed jissaħħaħ hekk kif qed jinġabru hemmhekk ġellieda veterani mill-gwerer fis-Sirja u l-Iraq.

Dan peress li jistgħu japprofittaw min-nuqqas ta’ awtorità u kaos fil-pajjiż. Dan minbarra li l-pajjiż hu bażi perfetta għall-ISIS peress li l-Libja hi fuq l-għatba tal-Ewropa, kif ukoll għandha fruntiera komuni ma’ diversi pajjiżi fosthom xi wħud fejn huma attivi ġellieda tal-Boko Haram, il-grupp militanti Iżlamiku bbażat fin-Niġerja u li hu alleat tal-ISIS.

Ir-rapport ta’ 24 paġna kien ippreżentat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mill-kumitat li jgħasses l-infurzar tas-sanzjonijiet kontra l-al-Qaeda u gruppi terroristiċi oħra.

Skont ir-rapport, it-tmexxija tal-ISIS tqis lil-Libja bħala l-aħjar opportunità biex ikabbar it-territorju li jikkontrolla.
Intqal li mill-2013, il-fergħa tal-ISIS fil-Libja rat id-dħul ta’ diversi ġellieda veterani, fosthom Libjani stess li ġġieldu fl-Iraq u s-Sirja mal-forzi tal-ISIS kif ukoll voluntiera minn pajjiżi oħra.

Ir-rapport tan-NU qal li hu evidenti li t-theddida tal-ISIS fil-Libja hi waħda li se tieħu fit-tul.

Intqal li l-ISIS fil-Libja jitqies min-nies tal-lokal bħala forza ta’ barranin li qed tfixkel ir-reklutaġġ ta’ ġellieda mal-gruppi armati l-oħra li hemm iduru fil-pajjiż. Barra minn hekk intqal li l-Libjani, fil-maġġoranza tagħhom, mhux li għandhom xi simpatija kbira lejn l-ISIS.
Imma minkejja dan, l-ISIS hu determinat li jkabbar il-kontroll ta’ territorju fil-Libja u jagħmel lill-pajjiż bażi ewlenija għall-attività tiegħu fir-reġjun.
Abu al-Mughirah al-Qahtani, il-kmandant tal-ISIS fir-reġjun, hu kkwotat li jfaħħar il-pożizzjoni strateġika tal-Libja għall-pjani tal-grupp. Fost l-oħrajn hu qal li l-Libja, minbarra li hi pajjiż fl-Afrika u fin-Nofsinhar tal-Ewropa, id-deżert tagħha jservi ta’ bieb għal diversi pajjiżi Afrikani.