In-nies li kienu mexjin għall-affari tagħhom f’Hong Kong ħasbu li laqathom miraklu meta raw xita ta’ ‘ġawhar prezzjuż’ nieżla mis-sema u fejn mal-ewwel ħasbuhom djamanti. Madankollu, id-‘djamanti’ ma kenux ħlief żirkoni (cubic zirconias) li huma elementi tal-kristall artifiċjali li jiswew biss ftit ċenteżmi.
Iżda n-nies li raw ‘dik ix-xita tleqq minn fuq’ ma tilfux ħin biex ‘jintefgħu mal-art’ u jaħtfu l-oġġetti li setgħu mill-bankina. F’dawk is-sekondi ta’ eċċitament kbir, mara nstemgħet tgħajjat ‘djamanti’ bil-mandarin u f’daqqa waħda qamm pandemonju sħiħ fiz-zona ta’ Tsim Sha Tsui, b’kulħadd jipprova jaħtaf kemm jista’ mill-‘ġawhar’ quddiemhom.
It-turisti wkoll kienu involuti f’dan il-kaos u sallum ħadd ma jaf minfejn oriġinaw iż-żirkoni.
Aktar tard, raġel li ħa d-‘djamanti’ li qabad għand ħanut tal-ġojjellerija kien embarazzat bil-kbir meta qalulu li l-oġġetti kienu ‘foloz u bla valur’.
Il-cubic zirconia, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tista’ tixbaħ djamant perfett u faċli li xi ħadd jixtri dawn iż-żirkoni minn fuq l-Internet.
Intant, il-persuna li wettaq din iċ-ċajta baqa’ mhux identifikat iżda, bla dubju, rnexxielu l-pjan li jqarraq b’numru kbir ta’ persuni. Fl-istess ħin, mhix l-ewwel darba li n-nies belgħuha li ‘qed jaqa’ r-risq mis-sema’ u, probabbilment, dawk in-nies f’Hong Kong li kważi qattgħu lil xulxin għaż-żirkoni mhumiex se jkunu l-aħħar….
//= $special ?>