Lokali

Filmat: Missier u ibnu arrestati wara theddid fuq ħaddiema ta’ kuntrattur waqt ħidma ta’ infurzar ordnata mill-MEPA

Xogħol ta’ infurzar b’ordni mill-MEPA f’għalqa fiż-Żejtun kien interrott darbtejn meta l-ħaddiema preżenti kienu mhedda minn sid il-propjetà li kien qed isir xogħol fuqha u minn ibnu.

Jirriżulta li l-MEPA kienet tat diversi twissijiet lis-sidien tal-għalqa biex inaddfuha minn terrapien, ġebel u oġġetti goffi oħrajn li kienu qed jagħtu dehra kerha lill-għalqa u lill-ambjent tal-madwar. Għaldaqstant, Uffiċjali tal-Infurzar tal-MEPA u numru ta’ ħaddiema ta’ kuntrattur privat, assistiti wkoll mill-Pulizija, marru fil-post biex jibdew it-tindif.

Fil-bidu ta’ din il-ħidma, wieħed mis-sidien tal-għalqa mar fil-post u hedded lil dawk kollha preżenti. Ir-raġel kompla jkun agressiv sal-punt li fil-post kellhom jissejħu Pulizija mill-Administrative Law Enforcement, kif ukoll Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li marru fil-post u arrestaw lir-raġel.

Aktar tard u meta x-xogħol kien qabad ritmu tajjeb, iben is-sid, żagħżugħ ta’ sbatax-il sena, ħareġ fil-gallarija tad-dar tiegħu u filwaqt li pponta arma fid-direzzjoni tal-ħaddiema, infexx f’ħafna theddid. Il-ħaddiema u l-membri tal-Korp li kienu fil-post, sejħu lill-Pulizija tal-RIU, li ċċirkondaw il-binja.

Il-Pulizija, armati, irnexxielhom jidħlu fid-dar mill-parti ta’ wara u wara tfittxija intensiva, sabu li ż-żagħżugħ kien għamel it-theddid permezz ta’ arma tal-plastik. Il-Pulizija arrestaw liż-żagħżugħ ukoll, li ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jgħin fl-investigazzjonijiet.