Il-GWU taqbel li l-ekonomija hi għas-servizz tal-poplu u mhux bil-kontra għax meta l-istakeholders jiddiskutu u jaħdmu flimkien, jinkisbu r-riżultati.
Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja waqt żjara li kellu mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech fil-Workers Memorial Building, li matulha ppreżentalu kopja tad-Dokument “Ekonomija għan-Nies”. Din kienet l-ewwel laqgħa minn sensiela fejn id-Dokument imniedi mill-Partit Nazzjonalista se jkun diskuss f’aktar dettall mal-istakeholders kollha.
Fl-introduzzjoni tiegħu, Claudio Grech qal li żewġ punti fid-Dokument li huma ta’ rilevanza speċjali għall-istakeholders, partikolarment il-Unions, huma d-dinjità u l-ekwità, fis-sens li l-opportunitajiet ikunu miftuħin għal kulħadd.
Ix-Shadow Minister qal li l-ekonomija moħbija qed tagħmel ħafna ħsara, kemm fil-livell ta’ pagi kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-pass kuraġġjuż li jkun hemm integrazzjoni tal-barranin biex ma jibqgħux jiġu sfruttati, kif ukoll li l-Maltin ma jkollhomx jikkompetu f’ġirja ‘l isfel għal kundizzjonijiet agħar ta’ xogħol.
Claudio Grech qal li l-fatt li l-ewwel laqgħa saret mal-GWU juri li żmien it-tribaliżmi m’għadx hawn aktar postu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja esprima l-apprezzament li l-ewwel laqgħa saret propju magħha, filwaqt li qabel li hemm ħafna aktar x’jgħaqqad milli jifred għax dan il-pajjiż żgħir ma jippermettix aktar firdiet. Qal li d-Dokument “Ekonomija għan-Nies” qed ikun evalwat internament.
Josef Bugeja kompla li hemm bżonn pjan għall-qasam tal-manifattura biex sitwazzjonijiet bħalma ġraw fil-fabbrika De La Rue jkunu previsti u nilqgħu għalihom. Stqarr li fil-fatt, dak li ġara f’De La Rue kien sorpriża għall-Union, li saret taf bis-sensji jumejn ilu. Dwar il-prekarjat, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li l-blacklisting mhux qed taħdem għax sidien bla skrupli qed jagħlqu l-kumpanija blacklisted u jiftħu oħra.
Ix-Shadow Minister Claudio Grech kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono.
//= $special ?>