Lokali

Awdjo: Is-sensji f’De La Rue – “Ir-raġel, kif se jsib xogħol ta’ 60 sena”

Mara ta’ ħaddiem tal-kumpanija De La Rue, u li għandu 60 sena, tinsab inkwetata dwar il-futur tal-familja tagħha. Dan għaliex f’kumment ma’ Netnews.com.mt il-mara qalet li hi mħassba dwar kif jista jsib xogħol ġdid ir-raġel tagħha, meta dan għandu 60 sena. Hi sostniet li r-raġel ilu jaħdem mal-kumpanija għal diversi snin, u ta’ 60 snin se jkun diffiċli ħafna li xi ħadt jimpjegah.

Il-kumpanija De La Rue ħabbret li se tkun qed tkeċċi l-ħaddiema fuq perjodu ta’ żmien li matulu se jsir ir-ristrutturar. Fi stqarrija li ħarġet il-kumpanija nhar it-Tlieta ma żvelatx kemm se tkun qed tkeċċi ħaddiema, madanakollu, ħaddiema li tkellmu ma’ Netnews.com.mt qalu li se jkunu tkeċċew mat-300 ħaddiem, fuq perjodu ta’ sentejn.

Il-kumpanija, li fost servizzi oħra tistampa l-flus, qalet li bħala parti mill-pjan ta’ “ċentru ta’ eċċellenza” f’Malta, bil-mod il-mod se jitwaqqaf is-servizz ta’ stampar tal-flus, bil-kumpanija tgħid li din id-deċiżjoni, sfortunatament, se twassal għal numru ta’ sensji. Il-kumpanija qalet ukoll li bħalissa qed issir ukoll konsultazzjoni formali ma’ dawk il-ħaddiema li se jkunu affettwati.

Ħaddiema tad-De La Rue li tkellmu ma’ Netnews spjegaw kif irċevew ittra li fiha l-kumpanija spjegat li se jkun qed isir investiment ta’ 15-il miljun dollaru biex l-impjant f’Malta jsir ċentru ta’ eċċellenza.

Fl-ittra qalulhom ukoll li peress li se jitwaqqaf l-istampar tal-flus, se jkollhom jintilfu l-ħaddiema.