“Għandi qalbi maqsuma u ninsab għalkollox mitluf…ma nafx fejn se nagħti rasi. Dak ibni u ma jistax ikun li xi ħadd iżommni ’l bogħod minnu jew jisraqhuli.” Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha lbieraħ filgħodu ma’ ‘In-Nazzjon’ Anthony Busuttil, missier iċ-ċkejken Adam li nhar it-Tlieta filgħodu ommu Russa ħarbet bih waqt li l-familja kienet fuq btala fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka.
‘In-Nazzjon’ tkellem ma’ Anthony Busuttil waqt li hu kien f’taxi qed jivvjaġġa biex eventwalment jaqbad titjira li permezz tagħha jirritorna Malta. Busuttil, taħt xokk qawwi kif ukoll f’mumenti minnhom emozzjonat ħafna, qal li għadu ma jistax jemmen dak li għadda minnu. “Qatt ma bsart li se tiġrili xi ħaġa bħal din. Qatt f’għomri ma ħsibt li xi ħadd jista’ jagħmilli xi ħaġa bħal din u jisraqli lil ibni.”
L-istorja ta’ Adam Busuttil, li għad għandu biss seba’ snin, kienet żvelata lbieraħ mill-ġurnal ‘In-Nazzjon’ li rrapporta kif ommu – Larisa Leontieva – ħarbet bih waqt li kienu flimkien għal vaganza fil-belt kapitali tar-Repubblika Ċeka, Praga.
Għal aktar dettalji, dan il-ġurnal tkellem ma’ Anthony Busuttil li fisser li hu, is-sieħba tiegħu Larisa u binhom Adam kienu waslu Praga nhar il-Ħadd li għadda għal btala qasira li matulha Larisa kellha tkompli b’xi proċeduri biex tikseb iċ-ċittadinanza Maltija. “Tal-inqas hekk kienet tgħidli…li kienet għaddejja bi proċeduri biex eventwalment tikseb iċ-ċittadinanza Maltija.”
Hu kompla li nhar it-Tnejn kienet ġurnata normali għalihom u ma ġara xejn li seta’ jħassbu li kien hemm xi ħaġa ħażina. “Imbagħad it-Tlieta filgħodu, konna fil-kamra tal-lukanda u dħalt ninħasel. Kien f’dan il-mument, meta jien kont fil-kamra tal-banju, xħin Larisa Leontieva qabdet lit-tifel kif kien – mingħajr l-ebda ħwejjeġ protettivi bħal kappell jew xalla għaliex hawnhekk hawn ħafna kesħa, u ħarġet ’il barra mill-kamra tal-lukanda u ħalliet il-bieb miftuħ.”
Anthony Busuttil żied li meta hu ħareġ mill-kamra tal-banju rrealizza li s-sieħba tiegħu kienet ħarbet b’binhom. “Kien xokk kbir għalija. Magħha ħadet biss xi ftit affarijiet oħra, fosthom xi ġojjellerija, iżda somma flus li kienet fis-safe tal-kamra ma ntmessitx.”
Hu fisser li quddiem din is-sitwazzjoni, mar jagħmel rapport mill-ewwel lill-Pulizija f’waħda mill-għases tal-pulizija fi Praga. “Ma tantx kienu ta’ għajnuna effettiva. Kważi kważi bdew jgħiduli li l-omm ma kienet qed tikser l-ebda liġi għaliex dak hu binha!”
Anthony Busuttil qal li eventwalment għamel kuntatt mal-Konsolat ta’ Malta fi Praga u sussegwentement sar ukoll kuntatt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti biex hu jingħata l-għajnuna li għandu bżonn ħalli jipprova jsib lil ibnu.
//= $special ?>