Internazzjonali

Id-Daniżi jivvutaw f’referendum dwar l-UE

Id-Daniżi, illum, ivvutaw f’referendum dwar jekk jadottawx liġijiet tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-ġustizzja u għaż-żamma tal-ordni.

Il-vot sar meta l-Ewropa għadha fuq stat ta’ allert wara l-aħħar attakki terroristiċi mill-ISIS fi Franza li ħallew għexieren ta’ vittmi. Ir-riżultat tar-referendum, intant, mistenni jkun ibbilanċjat bejn dawk ‘favur’ u ‘kontra’.

Il-Gvern Daniż taċ-ċentru-lemin, li f’dan il-każ għandu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, irid iwarrab għal uħud mill-kundizzjonijiet – magħrufa bħala opt-outs – li kien rebaħ, fl-1993, rigward il-leġislazzjoni tal-UE għall-affarijiet interni.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qalu wkoll li jekk jirbaħ il-kamp tal-‘le’, id-Danimarka ma tibqax aktar membru tal-aġenzija Europol għal kontra l-kriminalità.

Ir-referendum, fost oħrajn, qed jitqies bħala eżami ta’ jekk id-Daniżi jaċċettawx jew jiċħdu integrazzjoni akbar fl-UE li, illum, qed jiffaċċja provi akbar minħabba l-kriżi tal-immigranti.