Il-MEPA ppubblikat dokument għall-konsultazzjoni pubblika b’policy dwar ix-shooting ranges li tistabilixxi parametri ċari li permezz tagħhom jiġu evalwati applikazzjonijiet għal żvilupp.
Il-MEPA qalet li dan għamlitu minħabba l-interess dejjem jiżdied għall-isport tal-isparar fuq il-plattini tat-tafal u fuq il-bersall u d-domanda għal faċilitajiet ta’ livelli internazzjonali.
Id-dokument jinkludi policy dwar shooting ranges fil-miftuħ u oħra dwar faċilitajiet simili fil-magħluq. Jidentifikaw ukoll rekwiżiti marbuta mal-post fejn jistgħu jiġu żviluppati faċilitajiet simili, inkluż il-karatteristiċi ambjentali, il-kobor u l-ħtiġijiet tad-disinn ġenerali.
Jelenka wkoll siti li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod favorevoli għall-iżvilupp ta’ shooting ranges fil-miftuħ u tip ta’ siti li ma jiġux ikkunsidrati għal dan it-tip ta’ proġett. Iqis favorevoli l-kostruzzjoni ta’ shooting ranges fil-magħluq fiċ-ċentru ta’ bliet jew irħula bħala parti minn ċentru sportiv jew minn kumpless nazzjonali tal-isparar.
Id-dokument jista’ jitniżżel mill-websajt tal-MEPA u s-sottomissjonijiet jintlaqgħu sat-22 ta’ Jannar.
//= $special ?>