Il-Parlament Ewropew approva, b’maġġoranza sostanzjali, rapport miktub mill-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola u dik Ġermaniża, Ska Keller, dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-ilmenti fi ħdan Frontex.
Ir-rapport għandu l-għan li jsaħħaħ lill-aġenzija Frontex u waqt li jikkummenta dwar l-isforzi li saru mill-aġenzija, jibni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew, li Frontex għandu jkollha mezz kif tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali tal-bniedem billi twaqqaf mekkaniżmu ta’ ilmenti individwali.
Filmat: Id-diskors ta’ Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew
Fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola laqgħet il-vot u qalet li l-UE qed tgħix żmenijiet diffiċli fejn huma l-valuri Ewropej li jridu jagħtu t-tweġibiet għall-isfidi quddiem il-kontinent. Iddeskriviet it-twaqqif ta’ dan il-mekkaniżmu bħala pass importanti ’l quddiem, li jsaħħaħ lil Frontex u li jagħti mezz lil dak li jkun li jeżerċita d-dritt tiegħu li jfittex rimedju effettiv.
Qalet ukoll li dan jagħti l-possibilità lil Frontex stess, lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-entitajiet l-oħra biex ikunu iktar konxji dwar vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali li, mingħajr dan il-mekkaniżmu, jistgħu jibqgħu mhux rappurtati.
L-MEP Nazzjonalista enfasizzat li dan ir-rapport ma jaffettwax il-prinċipji tas-sussidjarjetà hekk kif Frontex se jibqa’ jkollha biss kompetenzi fuq il-ħaddiema tagħha. Ir-rapport jagħmilha ċara, spjegat Metsola, li proċeduri dixxiplinari jibqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-pajjiż membru.
Ir-rapport jappella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi membri biex jipprovdu lil Frontex bir-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex hi tkun tista’ twieġeb għall-ilmenti li tirċievi.
//= $special ?>