Il-qawwiet tal-ajru tar-Renju Unit bdew jibbumbardjaw l-interessi tal-ISIS fis-Sirja, bl-attakki inkwistjoni jidħlu fis-seħħ xi sigħat biss wara li kien ittieħed vot favur fil-Parlament.
Erba’ ajruplani tat-tip Tornado telgħu minn bażi tar-Royal Air Force (RAF) f’Ċipru għal sehem f’din l-offensiva u fejn ikkonċentraw fuq miri fit-territorji għall-produzzjoni taż-żejt lejn il-Lvant tas-Sirja li huma kkontrollati mill-ISIS. Intant, il-qawwiet tal-ajru Franċiżi ilhom l-aħħar jiem jattakkaw il-fortizza tal-ISIS fil-belt Sirjana ta’ Raqqa.
L-attakki tal-qawwiet Britanniċi qanqlu diversi reazzjonijiet tal-pubbliku, fosthom protesti, fit-toroq ta’ Londra.
Intant, is-Segretarju Britanniku għad-Difiża Michael Fallon sostna li l-attakki rnexxew fl-iskop tagħhom. Fallon spjega li l-miri għall-qawwiet tal-ajru Britanniċi ntgħażlu b’attenzjoni kbira u li kull azzjoni militari tar-Renju Unit fil-konfront tal-ISIS għandha tirrispetta r-regoli tal-konflitt b’mod mill-aktar strett.
Il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, qal li l-missjoni fil-konfront tal-ISIS fis-Sirja ‘tista ddum mhux ħażin’ u wissa li, f’dan il-każ, jinħtieġ livell ta’ persistenza.
Cameron kompla li ‘se jingħata appoġġ qawwi mill-alleati tar-Renju Unit għal din l-azzjoni’ u li kien hemm każ urġenti biex l-attakki mill-ajru kontra l-ISIS ikunu estiżi mill-Iraq għas-Sirja.
Sar magħruf ukoll li, qabel l-attakki Britanniċi fuq l-ISIS, kien aċċertat ‘li ma kienx hemm ċivili fl-inħawi’. Dan meta l-attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt huma intiżi biex jeqirdu l-mezzi tal-ISIS biex jiġġeneraw il-fondi għall-kampanji terroristiċi.
//= $special ?>