Il-President Russu Vladimir Putin reġa’ kkundanna l-Mexxejja tat-Turkija dwar it-twaqqigħ ta’ ajruplan militari Russu li, fl-24 ta’ Novembru, kien involut f’konfront mal-qawwiet tal-ajru Torok qabel iġġarraf fl-artijiet tas-Sirja.
Putin insista li t-Turkija għad irid jiddispjaċiha li ħadet din l-azzjoni, waqt diskors li hu kien qed għamel dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż, li xxandar dirett fuq it-Televiżjoni Russa. Il-Mexxej Russu qal ukoll li ‘jiżbalja bl-aħrax’ kulmin jaħseb li r-reazzjoni tar-Russja, f’din is-sitwazzjoni, għandha tkun limitata biss għal sanzjonijiet kummerċjali.
Waqt id-diskors, Putin ta importanza kbira lill-ġlieda tar-Russja kontra t-terroristi u insista li Moska se tibqa’ tfakkar lit-Torok dwar dak li għamlu. It-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tidher li żdiedet mindu twaqqa’ l-ajruplan Russu fis-Sirja u minkejja li l-awtoritajiet Torok insistew li l-ajruplan kien qed jabbuża l-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżhom.
Sadanittant, Vladmir Putin mill-ġdid akkuża lill-Gvern Tork talli ‘qed jagħti kenn u jipprovdi appoġġ lill-militanti tal-ISIS’. Putin qal ukoll li hu qed jagħmel distinzjoni ċara bejn it-Tmexxija tat-Turkija u l-ħafna ħbieb sinċieri li għandha r-Russja ġo dak il-pajjiż.
Sadanittant, it-Turkija wkoll qed tikkontribwixxi għal din il-gwerra bil-kliem, fejn il-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, warrab l-allegazzjonijiet tar-Russi fis-sens li pajjiżu qed jixtri ż-żejt mingħand l-ISIS bħala ‘propaganda fuq stil Sovjetiku’.
Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan fisser il-kummenti ta’ Putin bħala ‘malafama’ u, aktar tard, qal li ‘hi proprja r-Russja li qed tixtri żejt mingħand l-ISIS, permezz ta’ negozjant Sirjan li għandu passaport Russu, kif ukoll bis-sehem ta’ plejer taċ-chess famuż ta’ nazzjonalità Russa’.
//= $special ?>

