L-awtoritajiet fl-Istati Uniti mhumiex jeskludu l-possibbiltà ta’ terroriżmu b’konnessjoni ma’ qtil tal-massa li seħħ fil-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis f’ċentru għas-servizzi soċjali fl-Istat ta’ Kalifornja fejn inqatlu 14-il persuna, u 17 sfaw feruti.
L-attakk, li ħalla lill-pajjiż ixxukkjat, twettaq minn koppja, raġel u mara, li tilfu ħajjithom fi sparatura mal-pulizija. Sadanittant, kelliema għall-FBI qalu li s-sitwazzjoni kienet għadha qed tiġi investigata. Numru ta’ rapporti rreferew ukoll għat-tielet persuna li dehret qed tiġri lil hinn mix-xena u li spiċċat arrestata, iżda l-pulizija mhumiex ċerti jekk din il-persuna kellhiex xi sehem fl-attakk.
Il-massakru seħħ fil-belt ta’ San Bernardino, lejn il-Lvant ta’ Los Angeles. Iż-żewġ aggressuri kienu identifikati bħala Syed Rizwan Farook u Tashfeen Malik. Farook kien impjegat mas-servizzi tas-saħħa pubbliċi u l-attakk seħħ waqt avveniment soċjali fejn kien hemm preżenti l-kollegi tal-aggressur.
Iċ-ċentru fejn seħħ il-massakru jipprovdi servizzi għal nies bi bżonnijiet speċjali li ma kinux mira tal-attakk. Il-pulizija huma ‘fiduċjużi’ li kien hemm biss żewġ aggressuri li mietu f’vettura li spiċċat imtertqa bit-tiri waqt l-isparatura mal-qawwiet tas-sigurtà.
Farook u Malik, li kienu libsin bi stil militari, kienu armati sa snienhom meta wettqu l-attakk fuq iċ-ċentru. Aktar tard instab tagħmir li seta’ kien intiż għall-isplużjonijiet fl-Inland Regional Center fejn twettqet l-isparatura. L-aħħar rapporti qalu li pulizija spiċċa midrub fil-konfront mal-aggressuri, iżda ma jinsabx f’periklu li jitlef ħajtu.
Xi sorsi rrakkuntaw li Farook kien telaq irrabjat mill-avveniment soċjali u rritorna, flimkien ma’ seħbitu, Malik, biex iwettaq il-massakru. Ma ngħatawx dettalji taċ-ċirkostanzi li ġiegħlu lil Farook jaġixxi b’dan il-mod, u filwaqt li t-terroriżmu jibqa’ possibbiltà hemm anki sinjali li l-massakru seta’ kien dovut għal xi tilwima fuq il-post tax-xogħol.
Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama tkellem wara l-massakru u fakkar li l-isparaturi ta’ dan it-tip fl-Istati Uniti laħqu livell li ma jeżistix fi bnadi oħra tad-dinja. Hu ħeġġeġ għal passi biex inċidenti bħal dawn ma jkunx daqshekk regolari fil-pajjiż.
Il-massakru f’San Bernardino rriżulta fl-akbar qtil tal-massa fl-Istati Uniti mill-2012 meta kienu nqatlu 26 persuna waqt sparatura fi skola ta’ Newtown, f’Connecticut.
//= $special ?>