Aktar poter f’idejn il-Ministru u anqas trasparenza. Joseph Muscat irid kontroll assolut tal-art f’pajjiżna u qed jeħodna lura għall-passat.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Ippjanar u l-Artijiet Ryan Callus qal li dan hu r-riżultat tal-votazzjoni fil-Parlament, li matulha l-Gvern mhux biss ma tax każ tal-proposti tal-Oppożizzjoni, l-għaqdiet ambjentali u s-soċjetà ċivili, iżda saħansitra kontra l-programm elettorali tiegħu stess.
Ryan Callus qal li minflok jgħaddi l-poter lis-soċjetà ċivili, Muscat irid iżomm il-poter hu. Fost l-Emendi mressqa mill-Oppożizzjoni biex tiżdied it-trasparenza, u li Muscat ivvota kontrihom, kien hemm li tliet membri fil-Bord tal-Ippjanar jkunu rappreżentanti u magħżula mill-għaqdiet ambjentali minflok mill-Ministru.
Kien hemm ukoll li żewġ membri tal-Kunsill Eżekuttiv jirrappreżentaw u jkunu magħżula mill-għaqdiet ambjentali minflok mill-Ministru u membru tal-Oppożizzjoni. Dan il-Kunsill hu wieħed b’poteri kbar li jdaħħal policies, pjani, applikazzjonijiet ta’ kontroll tal-iżvilupp, skedar ta’ bini u siti ambjentali. Iżda l-membri tiegħu huma kollha magħżula mill-Ministru.
F’dawn l-Emendi u oħrajn, li wkoll kienu riflessi fil-Programm Elettorali “Malta Tagħna Lkoll” tal-Parit Laburista, il-Gvern ta’ Muscat ivvota kontra u għalhekk kontra l-Programm Elettorali tiegħu stess. Ryan Callus qal li ma’ dan il-Gvern, minflok jirbaħ is-sens komun, jirbaħ is-sens ta’ arroganza u ebusija tar-ras tal-Prim Ministru u tas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Giorgio Schembri qal li l-fatt li vvota kontra l-proposti tiegħu stess juri biċ-ċar li Joseph Muscat mhux ta’ min jafdah għax jgħid u jikteb mod, iżda fil-mument tal-prova jagħmel eżattament bil-kontra. Fakkar li dan il-vot wassal biex Muscat tilef Deputat minn tiegħu.
//= $special ?>