Nature Trust (Malta) ingħaqdet ma’ dawk li qed jipprotestaw fl-Ewropa u madwar id-dinja, jitolbu lill-mexxejja dinjija biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-bidla fil-klima b’mod serju.
L-organizzazzjoni Maltija qalet li matul is-snin, il-mexxejja dinjija ltaqgħu kemm-il darba u dejjem tkellmu imma qatt m’għamlu xejn b’mod konkret. Saħqet li l-UE biss ħadet xi deċiżjonijiet pożittivi imma jonqos azzjoni urġenti biex wieħed jillimita s-sitwazzjoni li mistennija ssib ruħha fiha d-dinja fi ftit snin oħra.
Bħala sieħeb tal-WWF, Nature Trust (Malta) ħeġġet lil dawk kollha li bħalissa qed jiltaqgħu f’Pariġi, inkluż lill-Ministru Malti tal-Ambjent, Leo Brincat, biex jassiguraw li minn din il-konferenza jintlaħaq pjan ta’ azzjonijiet li jiġu implimentati mingħajr iktar dewmien.
Nature Trust saħqet li d-dinja għandha biżżejjed rapporti u diskussjonijiet u li issa jeħtieġ li wieħed jaġixxi, inkella jitlef kollox. Fakkret li d-dinja tinsab f’perikli serji jekk jibqa’ ma jsir xejn, inkluż li l-bniedem jinqered mid-dinja inkella jbati ħafna, u t-tbatijiet jispiċċaw jiffaċċjawhom dawk li llum huma tfal.
B’mod konkret, Nature Trust saħqet li jeħtieġ li l-vulnerabbli jiġu mħarsa, inkluż il-fqar, il-foresti, inħawi naturali u gżejjer żgħar. Talbet ukoll impenn konkret li l-emmissjonijiet GHG jiġu eliminati u li sal-2050 l-enerġija tkun ġejja kollha minn sorsi nodfa, mhux miż-żjut. Nature Trust talbet ukoll li jkun hemm iktar trasparenza fil-kejl tal-progress.
Fl-istess ħin, l-għaqda esprimiet it-tama li kif kienet Malta li poġġiet il-bidla fil-klima fuq l-aġenda internazzjonali, terġa’ tkun Malta din id-darba li teżiġi li l-kliem jiġi segwit minn azzjoni.
//= $special ?>

