Il-Qorti Suprema tal-Afrika t’Isfel laqgħet l-appell tal-prosekuzzjoni u biddlet il-verdett ta’ qtil involuntarju għal omiċidju volontarju tal-mudella Reeva Steenkamp mill-atleta Oscar Pistorius fi Frar 2013.
Waqt li kien qed jaqra s-sentenza fil-Qorti ta’ Bloemfontein, l-imħallef Lorimer Reach madanakollu eskluda li jkun hemm proċeduri mill-ġdid fil-konfront ta’ Pistorius. L-imħallef qal li l-każ kollu jistrieħ fuq l-intenzjoni ta’ Pistorius u kkritika numru ta’ nuqqasijiet tal-Qorti tal-Ewwel Istanza. Hu qal li m’għandux dubju li Pistorius aġixxa biex joqtol meta spara xejn inqas minn 4 tiri fi spazju żgħir.
Għal dan, il-verdett tal-ewwel Qorti kellu jkun wieħed ta’ qtil volontarju u l-każ se jmur lura għand l-imħallef tal-ewwel Qorti sabiex tinbidel is-sentenza f’dan is-sens. F’Ottubru 2014, Pistorius kien ikkundannat għal 5 snin ħabs fuq qtil involuntarju u sena minnhom għamilhom fil-ħabs u mbagħad ħareġ fuq house arrest. Pistorius issa qed jiffaċċja żieda fil-piena għal mill-inqas 15-il sena ħabs li minnha, irid jiskonta mill-inqas nofsha.
//= $special ?>

