Tard l-Erbgħa filgħaxija Real Madrid rebħu 3-1 barra minn darhom kontra Real Cadiz f’partita mill-fażi tal-aħħar 32 tat-Tazza tar-Re, imma mistennija jkunu eliminati wara li għamlu użu minn Denis Cheryshev, plejer li kien ineliġibbli biex jilgħab. Dan minħabba li fl-istaġun li għadda kien ġie muri tliet karti sofor f’din il-kompetizzjoni, li l-aħħar waħda minnhom kienet fis-semifinali kontra Barcelona. Ta’ min jinnota li fl-istaġun li għadda Cheryshev kien misluf mingħand Real lil Villarreal u jidher li d-diriġenti u l-kowċ tal-Merengues, insew li Cheryshev kien sospiż u beda mal-ewwel 11 kontra Cadiz, tim li jilgħab fit-Tielet Diviżjoni Spanjola.
Ironikament, kien Cheryshev innifsu li poġġa lil Real fil-vantaġġ b’gowl li wasal wara tliet minuti biss.
Fi tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif il-kowċ Rafa Benitez induna bl-iżball, bidel lil Cheryshev.
Madankollu, kien tard wisq. Wara l-partita l-President ta’ Cadiz Manuel Vizcaino kkonferma li l-klabb se jressaq appell quddiem il-Federazzjoni tal-Futbol Spanjol. Ta’ min jinnota li aktar kmieni dan l-istaġun Osasuna ġew eliminati minn din il-kompetizzjoni wara li huma wkoll għamlu użu minn plejer li kien ineliġibbli biex jilgħab.
Mingħajr dubju, dan kollu se jkompli jżid il-pressjoni fuq il-kowċ Benitez li dan l-aħħar kien qed ikun ikkritikat bl-aħrax, speċjalment wara t-telfa umiljanti ta’ 4-0 li sofrew Real kontra Barcelona.
Din mhix l-ewwel darba li tim ta’ Benitez għamel żball bħal dan. Fl-istaġun 2001-2 Valencia kienu ġew eliminati meta Benitez, kontra t-tim ta’ Novelda, kien għamel użu minn numru kbir ta’ plejers li ma kinux Ewropej.
//= $special ?>

