Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista esprimiet solidarjetà mal-mijiet ta’ ħaddiema ta’ De La Rue li se jkunu qed jitilfu l-impjieg tagħhom fis-sentejn li ġejjin kawża tar-ristrutturar li se tkun qed tagħmel il-kumpanija u li b’riżultat ta’ hekk se tkun qed twaqqaf is-servizz ta’ stampar tal-flus.
Dan it-tibdil fil-kumpanija, li ilha f’pajjiżna għal għexieren ta’ snin, se jfisser li madwar 300 ħaddiem se jintemmilhom l-impjieg tagħhom.
Fi stqarrija, l-SĦPN ħeġġet lill-Gvern u lill-Unions tal-ħaddiema milquta biex jagħmlu dak kollu possibli ħalli jgħinu u jkunu ta’ sostenn għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-fergħa fakkret li meta eluf ta’ impjiegi kienu mhedda fi żmien l-agħar riċessjoni li qatt rat id-dinja, Gvern Nazzjonalista kien daħal f’negozjati u pprovda l-għajnuna meħtieġa biex ikunu salvati 5,000 impjieg.
L-SĦPN ħeġġet ukoll lill-ħaddiema biex jagħmlu l-almu tagħhom u jiksbu t-taħriġ meħtieġ ħalli ċ-ċentru ta’ eċċellenza li l-kumpanija se tkun qed twaqqaf f’pajjiżna jservi ta’ opportunità għal impjieg alternattiv għall-istess ħaddiema milquta.
//= $special ?>

