Lokali

Taljan ferut gravi wara ħabta f’San Ġiljan

Għall-ħabta ta’ nofsillejl il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Ġorġ Borġ Olivier, San Ġiljan.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan marru immedjatament fil-post, fejn seħħet ħabta bejn vettura ta’ tip Ford Transit misjuqa minn raġel ta’ 59 sena residenti l-Imqabba u mutur ta’ tip Yamaha misjuq minn Taljan ta’ 30 sena residenti s-Swieqi.

Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 30 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.